B’36 vot favur u 27 vot kontra, fil-Parlament għaddiet il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Malta saret l-ewwel pajjiż fl-Ewropa b’liġi ta’ dan it-tip, bil-Ġermanja mistennija tgħaddi liġi simili dalwaqt.
In-naħa tal-Gvern ivvutat kollha kemm hi favur din il-liġi li biha persuni li jikkonsmaw il-kannabis għal skop personali, u jinstab fuqhom sa seba’ grammi, ma ssirx prosekuzzjoni kontrihom.
Il-liġi tħares ukoll li min jixtri l-kannabis jirrikorri għal swieq legali u żżid il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.
Fuq din il-liġi l-Oppożizzjoni għamlet żmien bla pożizzjoni u meta ħareġ l-abbozz, Bernard Grech ried il-mertu u qal li l-Gvern ikkupjalu l-liġi.
Wara imbagħad kien kostrett iqatta’ biċċiet il-liġi għax dawk li poġġewh Kap hekk ġagħluh jagħmel.
Wara l-approvazzjoni tal-liġi, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb fuq twitter li b’din il-liġi mhux qed jiġi inkoraġġit l-użu tal-kannabis iżda l-liġi tirrikonoxxi realtajiet fis-soċjetà u l-Gvern illeġiżla b’mod responsabbli.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici sostna li din il-liġi tħares li min juża l-kannabis għal skop personali mhux kriminal.
Qal, “Bis-saħħa ta’ din ir-riforma issa ser nagħtu dinjità lil ħafna nies li kienu jiġu trattati bħala kriminali anke jekk m’humiex kriminali.”
Il-Ministru li kien ressaq il-liġi fil-Parlament saħaq fuq il-ħolqien t’awtorità permezz ta’ din il-liġi biex jiġi assigurat li l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga tibqa’.
Spjega, “Il-pass li jmiss li nassiguraw is-serjetà. Jiena rrid nappella lil dawk il-persuni li huma forsi ftit xettiċi minn din il-liġi għax għalihom hija xi ħaġa ġdida, aħna rridu li jkun hawn serjetà, aħna se nesiġu illi se jkun hawn kontrolli fuq l-outlets biex ikun hemm serjetà li l-awtorità tingħata riżorsi meħtieġa sabiex nagħmlu d-differenza u nkunu ta’ eżempju mhux biss għall-Maltin iżda wkoll għall-barranin.”
Intant b’rabta mal-approvazzjoni tal-liġi li issa jonqosha biss il-firma tal-President ta’ Malta, l-għaqda Releaf uriet is-sodisfazzjon tagħha li għaddiet il-liġi u li l-Gvern żamm kelmtu biex jemenda liġijiet ħżiena u mexa għal politika iżjed umana.
Releaf innutat li l-liġi l-ġdida tħassar kull referenza fil-kondotta għal min inqabad b’pussess mhux aggravat ta’ kannabis għall-użu personali tiegħu filwaqt li l-liġi taħseb li n-nies li jikkonsmaw il-kannabis jixtru minn sorsi legali.
L-għaqda rrimarkat li dawk li jixtru l-kannabis anki għal skop mediċinali kienu affaċjati bi prezzijiet għoljin ħafna iżda l-liġi taħseb ukoll għat-tkabbir sa erba’ pjanti u d-dritt t’assoċjazzjoni għall-użu tal-kannabis b’mod personali.
Hija sellmet lil dawk kollha li fl-aħħar snin weħlu anki l-ħabs u għaddew minn martirju għax jużaw il-kannabis għal skop personali.
Ma’ ONE News barra l-Parlament, il-President tar-Releaf Andrew Bonello sostna li Malta hi eżempju tajjeb għall-pajjiżi oħra li jridu jilleġiżlaw favur l-użu responsabbli tal-kannabis.
Qal, “Huma affarijiet pożittivi mhux biss għall-Maltin imma għall-Ewropa kollha għax huma wkoll qed jippruvaw jagħmlu l-istess ħaġa.”