It-Tnejn waranofsinhar il-Parlament vvota wkoll dwar mozzjonijiet oħrajn. Fost l-oħrajn insibu l-vot fuq it-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda Liġijiet Varji relatati mad-Droga. Riforma għal ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga.
Dan hekk kif fost il-proposti ewlenin ta’ din ir-riforma hemm li se jidħol proċess aktar ġust għal dawk li jkunu skontaw sentenza f’każi passati ta’ pussess sempliċi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew post ieħor ta’ detenzjoni.
Dwar dan, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li l-pożizzjoni tal-Gvern tibqa’ li t-traffikar tad-droga jingħata l-ogħla piena u li kulħadd iħallas t’għemilu, imma bi proporzjonalità u ġustizzja. Ir-riforma mhi se ċċaqlaq xejn mill-pieni ħorox li hemm bħalissa kontra t-traffikanti tad-droga, bil-piena massima għal dan ir-reat se tibqa’ dik ta’ għomor il-ħabs.
Dan anke wara li saret konsultazzjoni pubblika, fost l-oħrajn, mal-Fondazzjoni OASI, is-Sedqa u l-Caritas.
Il-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti vvotaw ukoll fuq riżoluzzjoni Parlamentari biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-att enfitewtiku tal-1957 għall-binja tal-General Workers’ Union fil-Belt Valletta, il-Workers’ Memorial Building.
Hawnhekk id-Deputati Nazzjonalisti vvotaw kontra, bis-Segretarju Ġenerali tal-akbar trejdunjin f’pajjiżna kien diġà ddeskrivi dan il-vot tal-Oppożizzjoni bħala wieħed ta’ kastig u li jimmina l-ħidma tagħhom favur l-eluf ta’ ħaddiema li tirrappreżenta.