L-Erbgħa waranofsinhar, il-Parlament approva l-emenda ta’ Abbozz ta’ Liġi Numru 28, li jkompli jemenda l-Kodiċi Kriminali biex jiġu protetti ħajjet u saħħet il-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala.
Dawn l-emendi l-ġodda ġew ippreżentati fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, u ġew issekondati mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi, Rebecca Buttigieg.
Din l-emenda mill-Gvern tressqet il-Ġimgħa, mid-Deputat Prim u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, u mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard.
It-Tnejn, din l-emenda għaddiet mill-Istadju ta’ Kumitat fil-parlament.
Dan l-abbozz se jagħti serħan il-moħħ lit-tobba u lin-nisa tqal minn proċeduri kriminali, f’każ li jkun meħtieġ li tiġi tterminata t-tqala.
L-emendi l-ġodda jgħidu wkoll li meta tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar terminazzjoni tat-tqala minħabba kundizzjoni ta’ saħħa jridu jkunu tliet speċjalisti, fosthom speċjalista tal-kundizzjoni serja tal-mara, li jeħduha.
Dawn l-emendi jgħidu b’mod ċar li l-intervent ta’ terminazzjoni tat-tqala biex tiġi salvata l-ħajja ta’ mara fil-periklu jsir biss wara li jkunu saru l-isforzi kollha mediċi possibbli, u l-intervent irid isir fi sptar liċenzjat.
Dawn l-emendi jispeċifikaw ukoll li jekk il-fetu jkun vijabbli u jkun hemm ċans li jgħix barra l-ġuf tal-mara, dan irid jitwelled.
L-Erbgħa, f’intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sejjaħ dan il-vot bħala wieħed storiku.
Intant, fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-bidla fil-Kodiċi Kriminali hija bidla storika li l-Partit Laburista kellu l-kuraġġ iressaq ‘il quddiem u jikkonvinċi dwar il-ħtieġa tagħha.
Il-Partit Laburista qal li din il-bidla se tagħti serħan il-moħħ lil ommijiet prospettivi li jiffaċċjaw kumplikazzjoni medika serja waqt it-tqala u lill-professjonisti li jikkurawhom f’ċirkostanzi mill-iktar diffiċli.
Sa ftit tax-xhur ilu kien hemm dawk, fuq quddiem nett l-Oppożizzjoni, li kienu qed jgħidu li m’hemmx bżonn ta’ bidla fil-liġi.
Dan għax skont huma kollox seta’ jibqa’ kif inhu, minkejja l-parir tal-Avukat tal-Istat, li min isalva ħajjet mara b’kumplikazzjoni fit-tqala u l-istess mara setgħu jiffaċċjaw proċeduri legali li magħhom iġibu priġunerija.
Il-Partit Laburista qal li, fl-aħħar xhur, riżultat anke ta’ ħafna djalogu u persważjoni, fil-pajjiż kien hawn realizzazzjoni li din il-bidla kienet waħda meħtieġa, u l-Parlament issa approva din il-bidla.
L-għan tal-bidla fil-liġi hu ċar. Il-ħajja tal-mara trid tingħata prijorità u mara m’għandiex tasal f’xifer il-mewt biex tingħata l-kura meħtieġa. Għalhekk, il-Gvern insista li r-referenza għal periklu gravi ta’ saħħa kellha tibqa’ fl-emenda, kuntrarju għal dak li ssuġġeriet l-Oppożizzjoni.
Il-Partit Laburista temm jgħid li din hi riforma oħra li se jkun ġab gvern Laburista – li huwa gvern riformista – fl-ewwel perjodu ta’ din il-leġiżlatura.