Irkejjen fid-Dar Ċentrali qed iwasslu ħafna lmenti dwar l-għażla ta’ Bernard Grech li jikkontesta fuq il-11-il distrett.
Irrappurtat dan il-gazzetta The Malta Independent, il-Ħadd filgħodu hekk kif ftit tal jiem ilu l-Eżekuttiv tal-PN approva l-kandidatura ta’ Bernard Grech fuq il-5 u il-11-il distrett għall-elezzjoni li ġejja.
Fil-fatt, il-gazzetta nnutat xettiċiżmu u tgergir minn ħafna fi ħdan id-Dar Ċentrali dwar l-għażla li jikkontesta fuq il-11-il distrett.
L-ewwel nett sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali nnutaw kif Grech għoddu beża’ jikkontesta fuq it-12-il distrett għaliex fl-elezzjoni tal-2017, il-Partit Nazzjonalista hawnhekk ma marx daqstant tajjeb daqs kemm mar fil-11-il distrett.
Sors partikolari spjega kif hemm ċans akbar li l-Partit Nazzjonalista jitlef it-12-il distrett milli jitlef il-11-il distrett. Kien għalhekk li kien ikun aktar għaqli li l-Kap jikkontesta fuq it-12-il distrett sabiex jġib aktar voti.
Madankollu ħafna qed jinnutaw kif din il-mossa ta’ Grech ma hija xejn ħlief tentattiv sabiex iqaċċat lil dawk l-aktar leali lejn l-eks Kap Adrian Delia.
Mossa li tikkonferma għal kollox kif il-fazzjonijiet li farrku l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista għadhom jiddominaw anke taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Il-11-il distrett jinkludi l-Imdina, Ħ’Attard, il-Mosta u Burmarrad. Minn hawn, kienu telgħu l-Membri Parlamentari Maria Deguara, David Agius, Edwin Vassallo, u Ivan Bartolo.
Minn dawn l-erbgħa, tlieta minnhom huma meqjusa li kienu favur Adrian Delia, bl-aktar wieħed leali huwa Edwin Vassallo li anki wara li ġie sfiduċjat Delia, baqa’ jitkellem favurih.
Fl-aħħar jiem sorsi ta’ ONE News ukoll ikkonfermaw l-għodju kbir li għandu d-Deputat Mexxej David Agius għall-Grech wara li għażel jikkontesta fuq l-istess distrett tiegħu f’mossa meqjusa biex jaqtalu saqajh.