Il-Pulizija f’Pariġi għaddejjin bit-tfittxijiet għal raġel li seraq b’aktar minn żewġ miljun ewro f’ġojjellerija minn ħanut tal-ġojjelli fil-kapitali Franċiża.
Ir-raġel, li huwa maħsub li għandu bejn ħamsin u sittin sena, kien qed isuq scooter.
Meta seħħ il-każ, l-aggressur ħareġ arma u hedded li se jisplodi bomba li qal li poġġa fil-ħanut.
Il-ħanut li fih seħħet is-serqa jinsab f’żona rikka viċin Champs-Elysées.
Filmati minn kameras tas-sigurtà juru lir-raġel dieħel il-ħanut waqt li kien liebes ħwejjeġ griżi ċari u maskra biex jgħatti wiċċu.
Il-Pulizija qalet li r-raġel sforza lill-impjegati jagħtuh il-ġojjellerija flimkien maċ-ċwievet tal-ħanut.
Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.