Il-Pulizija għaddejja bi tfittxijiet tagħha għal ħalliel li aktar kmieni llum wettaq serqa minn ħanut tal-logħob li jinsab fi Triq ix-Xatt Ta’ Xbiex, l-Imsida.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata bil-każ u minnufih marret fuq il-post.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel mgħammad u allegatament armat b’arma tan-nar, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-impjegata, Kolombjana ta’ 19-il sena.
L-allegat ħalliel ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti. Dan filwaqt li l-impjegata ma sofriet ebda ġrieħi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.