Il-pulizija ta’ New York qed ifittxu raġel li spara u qatel lil Kap Eżekuttiv tal-UnitedHealth Brian Thompson f’attakk insensat barra l-lukanda Midtown Manhattan. Dan ir-raġel l-aħħar li deher kien qed jaħrab ġo Central Park.
Thompson li għandu 50 sena u huwa l-Kap Eżekuttiv tat-taqsima tal-insurance ta’ UnitedHealth laqqat tir ġo dahru l-Erbgħa filgħodu f’dak li qed jiġi deskritt mill-pulizija bħala attakk premeditat minn aggressur b’wiċċu mgħotti u li kien qed jistennih apposta. Il-qtil sar ftit qabel il-konferenza annwali tal-investituri tal-kumpanija fil-Hilton ta’ Sixth Avenue.
Id-Dipartiment tal-Pulizija tal-belt ta’ New York qalu li l-investigaturi għadhom ma semmewx min seta’ kien responsabbli u għadhom qed jippruvaw jiskopru l-mottiv. Skont il-Kummissarju tal-Pulizija Jessica Tisch ma jidhirx li kien xi att ta’ vjolenza bl-addoċċ iżda l-indikazzjonijiet huma li kien wieħed premeditat, ippjanat u intenzjonat.
Vidjo tas-sigurtà juri l-isparatur wara Thompson jgħolli l-pistola u jisparalu f’dahru. Il-pulizija qalu li t-tiratur wasal barra tal-lukanda ftit minuti qabel Thompson u stennieh jgħaddi minn quddiemu qabel spara.
Is-suspettat li kien libes hoody u balaklava u jġorr ma dahru backpack griż ħarab minn fuq il-post bil-ġiri qabel ma rikeb rota tal-elettriku u daħal f’Central Park.
Il-pulizija ppubblikaw diversi ritratti tas-suspettat li ttieħdu minn kameras ta’ sorveljanza fl-akwati nkluż wieħed li jurih fil-mument qabel spara u ieħor qed jaħrab fuq ir-rota.
Dan il-qtil sar fil-jum li l-belt tiċċelebra ta’ kull sena l-mixgħela tas-siġra tal-Milied fir-Rockefeller Centre ftit kantunieri ’l bogħod, avveniment li jattira eluf ta’ persuni.
UnitedHealth hija l-akbar kumpanija tal-assigurazzjoni Amerikana li tipprovdi benefiċċji lil għexieren ta’ miljuni ta’ Amerikani li jħallsu għall-kura tas-saħħa ħafna aktar minn pajjiżi oħra. Thompson kien ilu Kap Eżekuttiv minn April 2021.