Waqt li t-tbassir tat-temp fl-Italja jibqa’ wieħed ta’ xita torrenzjali b’sitwazzjoni diffiċli f’ħafna reġjuni hekk kif diversi lokalitajiet tal-peninsula qed jegħrqu minħabba x-xmajjar mfawrin, għaddejja tfittxija għal tarbija ta’ ħames xhur u n-nanna tiegħu, li ġew irrapportati neqsin kawża tal-għargħar fil-villaġġ Sterza Montecatini Val di Cecina.
Il-membri tal-familja Ġermaniża, li kienu għal btala fil-pajjiż, ntilfu wara li ilmijiet, m’għola żewġ metri u nofs, litteralment kaxkru d-dar li kienu fiha. Tliet persuni kienu salvati hekk kif irnexxielhom iżommu mal-pilastri tal-entratura, iżda n-nanna u n-neputi tagħha nġarru mal-kurrent.
Il-pumpieri ta’ Pisa għadhom ma qatgħux qalbhom, għalkemm il-probabbiltà li jinsabu ħajjin hi waħda remota. It-tfittxija intensiva qed tissokta mad-dawra kollha bi drones u l-ħelikopter tul ix-Xmara Cecina u fuq l-art, bl-għajnuna tal-voluntieri u l-klieb.