Il-Pulizija qed tinvestiga żewġ serqiet, waħda li seħħet ilbieraħ filgħaxija u oħra kmieni dalgħodu minn żewġ ħwienet.
Fl-ewwel serqa, li seħħet għall-ħabta tal-għaxra u nofs tat-Tlieta filgħaxija, raġel daħal f’ħanut tal-logħob fi Triq iċ-Ċern, f’San Pawl il-Baħar, allegatament armat b’sikkina.
Huwa ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.
Dalgħodu għall-ħabta tas-sebgħa u kwart, il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa oħra minn ħanut tal-merċa fi Triq Xintill f’Ħal Tarxien.
F’din is-serqa, raġel mgħammad, allegatament armat b’arma tan-nar, daħal fil-ħanut, talab il-flus lill-kaxxiera, u ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti u oġġetti oħra.
Waqt li fiż-żewġ każijiet ħadd ma weġġa’, il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-persuni involuti.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.