L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin ħabbru li fieqet l-ewwel mara li fl-aħħar ġimgħat mardet bil-Coronavirus waqt li kienet għal btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Profesussur Charmaine Gauci ħabbret ukoll li sal-Ġimgħa filgħodu telgħu għal tnax-il persuni infettati bil-coronavirus/
L-aħħar każijiet huma Malti ta’ ħamsa u erbgħin sena li kien imsiefer Munich il-Ġermanja, Taljan ta’ erbgħin sena li kien Pariġi fi Franza u tfajla Maltija ta’ tletin sena li kienet Brussel.
Il-Professur Gauci qalet li l-każijiet kollha ġew importati minn barra u l-ebda wieħed ma ttieħed f’Malta.
Ir-raġel ta’ ħamsa u erbgħin sena, li jaħdem għal rasu, kien Munich fis-6 ta’ Marzu u ġie lura l-għada.
Huwa żviluppa s-sintomi l-Erbgħa li għadda meta beda jaqta’ nifsu u kellu s-sogħla. Il-Malti għamel kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa u rriżulta fil-pożittiv/ Il-membri tal-familja tiegħu jinsabu fi kwarantina obbligatorja.
It-tieni każ rreġistrat matul illejl, huwa ta’ Taljan ta’ erbgħin sena. Huwa wasal lura Malta fis-6 ta’ Marzu.
It-Tlieta li għadda beda jħoss is-sintomi u rriżulta pożittiv. Il-Pofessur Gauci qalet li xogħlu jaħdem online, u għalhekk ma kellu ebda kuntatt ma’ terzi.
It-tielet każ kien ta’ tfajla Maltija ta’ tletin sena li taħdem fil-qasam tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei.
Hija marret Brussel fil-ħamsa ta’ Marzu. It-tfajla daħlet għax-xogħol it-Tlieta li għadda, u l-għada bdiet turi sintomi ta’ deni u sogħla. Il-Ħamis tkellmet mal-helpline fejn mis-swab test irrizulta li kienet pożittiva għall-Coronavirus.
Il-Professur Gauci qalet li qed isir assessjar tal-persuni li seta’ kellhom kuntatt magħhom fost il-familja tagħha. Qalet li s’issa ħadd m’għandu sintomi u qegħdin jinżammu kwarantina. Hija assigurat li l-virus ma tteħidx mill-isptar.
“Kellha xi ftit social events u bħalissa qegħdin nagħmlu risk assessment tagħna biex naraw kienx espożizzjoni. Il-persuna hija healthcare worker. Marret għax-xogħol on the 10 th jiġifieri s-sintomi bdew l-għada filgħaxija. Riskju huwa minimu ħafna. Pero qegħdin nieħdu l-prekawzzjonijiet. L-infection control għamilna risk assessement hu rajna n-nies li għamlu kuntatt magħha u qegħdin fi kwarantina.”
Mistoqsija minn One News dwar il-kundizzjoni ta’ saħħa tal-pazjenti Covid-19, il-Professur Gauci ħabbret li fieqet il-mara li s-Sibt li għadda kienet minn tal-ewwel f’pajjiżna li laqtet dan il-virus.
“Din irrizultat negattiva għal darbtejn in 24 hours apart. Iġfieri tista tgħid li għandna recovery. Aħbar tajba ħafna. Issa l-persuna toħroġ mill-isptar imma toqgħod kwarantina u nkomplu nsegwu s-sitwazzjoni.”
Hija żiedet tgħid li l-persuni kollha li laqtu dan il-virus jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba ħafna.
Żiedet tgħid li huma eluf li qegħdin iċemplu fuq il-helpline 111. Ħabbret ukoll il-ftuħ ta’ ċentru ieħor fil-Mosta biex iwieġeb għad-domandi tal-pubbliku.
Mistoqsija dwar it-tabib li bħalissa qiegħed jinżamm iżolat minħabba l-coronavirus, qalet li huwa għamel dikjarazzjoni pubblika li ma rax pazjenti.