Ilbieraħ, ftit wara l-ħdax u nofs ta’ filgħaxija seħħ inċident tat-traffiku fi Triq il-Kunċizzjoni, l-Imsida.
Żagħżugħ ta’ 19-il sena, residenti l-Fontana Għawdex, kien qiegħed isuq vettura tat-tip Volkswagen Golf meta tilef il-kontroll u kellu impatt ma’ ħajt.
Flimkien mas-sewwieq kien hemm ukoll żewġ passiġġiera nisa li għandhom 20 sena. Waħda minnhom li toqgħod il-Mellieħa, ittieħdet l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-passiġġiera l-oħra, li hija residenti l-Pietà, weġġgħet ħafif.
Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ma sofra l-ebda ġrieħi.