Iż-żmien tal-Milied iġib miegħu l-għaqda u aktar ferħ bejnietna lkoll. Huwa żmien fejn il-valuri tal-imħabba, l-għaqda, is-solidarjeta, u l-paċi, li l-poplu Malti hu tant mogħni bihom, joħorġu aktar.
F’messaġġ fuq Facebook, mart il-Prim Ministru Lydia Abela, għamlet stedina miftuħa lit-tfal u ż-żgħażagħ, sabiex ikunu huma li jiddisinjaw il-kartolina tal-Milied li jibgħat l-Uffiċju tal-Prim Ministru bix-xewqat tiegħu fi żmien il-Milied. Dawn il-kartolini jintbagħtu lil bosta, fosthom dinjitarji u entitajiet, kemm f’Malta kif ukoll il-bogħod minn xtutna.
Filwaqt li ħeġġet għal ideat oriġinali, għall-immaġinazzjoni, u għall-kreattività, Dr Abela esprimiet it-twemmin tagħha fit-talent Malti.
“Għalhekk qed nitolbu lilkom, tfal u żgħażagħ ta’ bejn l-erba’ snin u s-sittax-il sena, biex tiddisinjaw intom il-kartolini bit-tpinġijiet tagħkom marbuta mal-Milied. Tfal u żgħażagħ, nafu x’talenti għandkom”
Dr Abela appellat biex kull partecipant jibgħat tpinġija waħda flimkien ma’ messaġġ ta’ ferħ tal-okkażjoni fuq karta A4. Jistgħu jintużaw diversi modi ta’ żebgħa u kuluri, anki l-media diġitali.
It-tpinġijiet għandhom jintbagħtu fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, fil-Berġa ta’ Kastilja, sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Novembru.
Ir-rebbieħa se jingħataw premjijiet imma, bħala rikonnoximent, kull tpinġija li se tieħu sehem se ssib postha f’wirja speċjali li se tiġi organizzata apposta fi Spazju Kreattiv, il-Belt.