Tfal u żgħażagħ, li għaddew minn żmien ta’ vjolenza domestika, ingħataw l-opportunità li jpinġu l-kartolini tal-Milied għall-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol. Dan b’kollaborazzjoni mal-Victim Support Agency, l-aġenzija li twaqqfet mill-Gvern fl-2021 bil-għan li tkun ta’ sapport għall-vittmi tal-kriminalità.
F’laqgħa mal-parteċipanti, il-Ministru Byron Camilleri saħaq li din l-inizjattiva hi waħda li tmur lil hinn mill-kapaċità artistika tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Victim Support Agency, Brian Farrugia, esprima s-sens ta’ sodisfazzjon li jkollhom, bħala aġenzija, kull darba li l-ħidma tal-professjonisti tkun għenet il-ħajja tal-vittmi. Huwa kompla jgħid li din l-inizjattiva wriet id-dedikazzjoni mit-tfal u ż-żgħażagħ li pparteċipaw.
Il-Ministru Camilleri kkonkluda b’ringrazzjament lill-ħaddiema kollha tal-aġenzija, filwaqt li appella lil dawk il-vittmi, li sal-lum ma ressqux ’il quddiem għall-għajnuna, biex jaċċessaw dawn is-servizzi li qegħdin jingħataw minn professjonisti ddedikati.