It-tmien edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali qed tħalli impatt speċjali hekk kif qed tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet permezz tal-qari u l-irrakkuntar. Bl-isem “Naqraw u Nirrakkuntaw”, din l-inizjattiva organizzata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, The Malta Trust Foundation, b’kollaborazzjoni ma’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society qed tiffoka mhux biss fuq it-tfal iżda wkoll fuq l-anzjani.
Din is-sena, il-Qaritona saret f’San Vinċenz de Paul b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, fejn fuq jumejn saru żjarat minn diversi skejjel f’għaxar swali differenti tar-residenza. Il-Qaritona ħolqot mumenti fejn it-tfal, l-edukaturi u l-Ambaxxaturi tal-Qari, qraw lill-anzjani u qasmu stejjer f’ambjent ħelu u edukattiv. L-għan ta’ din l-attività hu li t-tfal bil-qari jitrawmu fl-empatija u s-solidarjetà.
Fl-ewwel jum tal-attività attendew il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, u l-President Emeritu, Marie-Louise Coleiro Preca, li bħalissa hija wkoll Chairperson tal-Malta Trust Foundation. Huma żaru lill-istudenti waqt li dawn kienu qed jaqraw lir-residenti ġewwa s-swali ta’ San Vinċenz de Paul.

Il-Ministru Clifton Grima waqt it-tnedija ta’ din l-edizzjoni tal-Qaritona qal, “Il-Qaritona Nazzjonali hija inizjattiva mill-aqwa u mezz ieħor, flimkien ma’ dawk meħuda mill-Agenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, li tkattar imħabba lejn il-qari fost l-istudenti. Hija l-missjoni ewlenija tal-Gvern li naraw li l-edukazzjoni tasal għand kulħadd – kull forma ta’ edukazzjoni, hekk kif l-edukazzjoni tieħu diversi forom – u huwa żgur li l-qari huwa l-bażi ta’ edukazzjoni sana.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea qal, “L-aktar attivitajiet sempliċi jistgħu jkollhom l-akbar impatt. Il-kelma miktuba u mitkellma tista’ tqanqal emozzjonijiet, tfakkar memorji u toħloq rabtiet ġodda. Ninsab kuntent li qed naraw inizjattivi bħal dawn, li jġibu t-tfal u l-anzjani flimkien f’mumenti ta’ ġenerożità u umanità.”
Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca, saħqet li “Il-qari jibqa’ wieħed mill-elementi fundamentali għall-iżvilupp tal-moħħ u tal-bniedem. Din l-edizzjoni tal-Qaritona hi speċjali għax qed toħloq opportunità fejn il-ġenerazzjonijiet jitgħallmu minn xulxin, jaqsmu stejjer u jesperjenzaw l-valur tas-solidarjetà. Permezz ta’ mumenti bħal dawn, nistgħu nibnu soċjetà aktar magħquda u rispettuża lejn il-wirt tagħna.”
Il-Qaritona Nazzjonali hija eżempju mill-isbaħ ta’ kif l-edukazzjoni, il-kompassjoni u l-ġenerożità jistgħu jiltaqgħu f’attività waħda.
