B’differenza milli naraw is-soltu fl-iskejjel primarji, tfal tal-Kinder 2 tal-Kulleġġ ta’ Santa Margerita fil-Kalkara ħolqu filmat b’żifna partikolari u, biex jagħmlu dan, marru għand il-barbier.
Żifna mid-diska partikolari tal-Junior Eurovision tal-2017 bl-isem ‘Dawra Tond’.
ONE News żar l-iskola, fejn tkellem mat-tfal, mal-għalliema, u mas-surmast li kienu kollha parti minn din l-inizjattiva.
Bi tbissima fuq fommhom, it-tfal kollha qalu kemm ħadu pjaċir li esperjenzaw il-ħidma tal-barbier u li żifnu għal din id-diska fuq palk, kollha bl-irwol individwali tagħhom.
L-għalliema tal-klassi, Roxanne Busuttil, irrimarkat li dawn l-inizjattivi, fejn it-tfal jiġu esposti għal industriji differenti, jgħinuhom ikabbru l-fiduċja tagħhom fihom infushom.
Qalet, “It-tfal minn din l-esperjenza bbenefikaw ħafna għax ħadu esperjenza ta’ reċta, ta’ żifna. Għandi studenti barranin li wkoll tgħallmu xi kliem bil-Malti permezz tad-diska u naħseb li, għall-futur tagħhom, hija esperjenza sabiħa li ħadu sehem f’żifna bħal din.”
Għalliema oħra li ħadet sehem fil-ġbid u l-filmati ta’ dan il-filmat, Iona Dalli, qalet li tinsab grata li kellha l-opportunità tieħu sehem f’inizjattiva fejn it-tfal jistgħu jibbenifikaw ħafna.
Qalet, “Din l-esperjenza kienet sabiħa ħafna. Minbarra li jiena grata li ġejt mogħtija din l-opportunità minħabba li jien inħobb niġbed il-filmati, jiena s-sena d-dieħla se nkun l-għalliema ta’ dawn it-tfal u waqt il-filmati jiena stajt insir nafhom aħjar.”
Kenneth Busuttil, is-surmast tal-iskola, tkellem dwar il-viżjoni li mxew biha f’din is-sena skolastika: li, minn età bikrija, lit-tfal trid tgħinhom jiżviluppaw ħsieb kritiku.
Kliem is-surmast kien li, biex it-tfal jieħdu inizjattivi bħal dawn, il-ħsieb irid ikun li jwaqqgħu l-ħitan, jiftħu l-bibien, u jibnu l-pontijiet
Qal, “Meta tibda tinbena din il-viżjoni, dan il-ħsieb, ħafna drabi l-ewwel li ma jikkupjawk huma t-tfal. Allura, kien proprju dan li aħna, meta tajna ċ-ċans, tajna l-għodda biex it-tfal min-naħa tagħhom jesprimu xi ħaġa: dak li aħna fil-kurrikulum tagħna nirreferu għalih ħafna, għall-emergent curriculum, jiġifieri dak li t-tfal joħorġu bih huma. It-tfal għandhom ħafna x’jirrakkuntaw.”