Il-gazzetta KullĦadd titkellem dwar kif il-kotba tradizzjonali baqgħu dawk li joħorġu bl-ikbar ammonti mil-libreriji lokali, għalkemm qed jiżdied ukoll is-self ta’ kotba oħra bħat-talking books u l-ebooks. In-numru ta’ talking books mislufa s-sena li għaddiet jammonta għal 2,489 filwaqt li n-numru ta’ ebooks mislufa jammonta għal 8,200.
Iżda, f’era fejn il-ktieb tradizzjonali għandu ċerti sfidi xorta waħda għadu b’saħħtu s-self mil-libreriji. Tant li s-sena li għaddiet issellfu iktar minn miljun ktieb mil-libreriji f’pajjiżna. L-istatistika turi li huma t-tfal taħt it-12–il sena l-iktar li ssellfu kotba b’643,708 kotba mislufin. L-adulti ssellfu 340,666 ktieb u l-adolexxenti ssellfu madwar 27,283 ktieb.
Bejn l-2015 u l-2018 fl-aħħar ħames snin kien hemm total ta’ 52,731 persuna li ssellfu l-kotba. Hemm ħafna iktar irreġistrati minn dawk li ssellfu hekk kif dawk irreġistrati jlaħħqu l-138,654 persuna.
Hemm kotba oħra li jissellfu għajr dawk tradizzjonali. Il-Ministru Evarist Bartolo qal lid-Deputat Stefan Zrinzo Azzopardi li numru ta’ inizjattivi qed jittieħdu biex jiġu attirati aktar persuni biex jissellfu l-kotba mil-libreriji pubbliċi. Fost dawn hemm kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu sabiex isiru sessjonijiet ta’ qari għat-tfal ta’ etajiet varji u investiment f’kollezzjoni ta’ komiks u novelli grafiċi, kif ukoll kotba dyslexia friendly.
“Sar ftehim mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex isir rinovar f’kull librerija permezz ta’ skema li ħarġu. Ġibna wkoll prezz speċjali mingħand l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni biex f’kull librerija jkun hemm WiFi b’xejn,” spjega l-Ministru Bartolo li qal li minbarra r-riżorsi hemm ukoll investiment fit-taħriġ tal-għalliema.