Is-7 ta’ Frar jimmarka il-Jum Dinji għall-Internet aktar Sigur – jum iċċelebrat f’aktar minn 150 pajjiż bit-tema Flimkien għall-Internet Aħjar.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ifforma parti mill-kampanja BeSmartOnline! flimkien mal-FSWS (Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali), id-Direttorat tal-Programmi tat-Tagħlim u Assesjar fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, u t-taqsima tas-Cyber Crime fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tipproteġi lit-tfal onlajn permezz ta’ kampanji edukattivi, għajnuna u support. Biex jiġi kkomemorat dan il-jum importanti qegħdin jittieħdu numru ta’ inizjattivi. Numru ta’ skejjel ikkommettew ruħhom li jorganizzaw għadd ta’ attivitajiet bl-għajnuna tat-tim ta’ BeSmartOnline!
Skejjel u organizzazjonijiet oħra għandhom aċċess għal toolkit li tikkonsisti fi pjanijiet għall-lezzjonijiet u riżorsi oħra, żviluppati mit-tim ta’ BeSmartOnline! u li jkopru numru ta’ temi rigward is-sigurta’ onlajn għal tfal ta’ etajiet differenti. Din it-toolkit tista’ titniżżel mil-link li ġej http://besmartonline.org.mt/sid-toolkit
Barra min hekk, ħa jitqassmu 3 riżorsi differenti fl-iskejjel kollha, li jinkludu: Kiko u l-Ħafnajien, li hija pubblikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tradotta għall-Malti mill-Uffiċċju talKummissarju għat-Tfal. Din il-publikazzjoni ser titqassam lill-klassijiet tat-tielet sena.
Barra minn hekk, se jingħataw fuljett li jippromwovi l-użu bilanċjat tat-teknoloġija li ser jitqassam lit-tfal kollha tas-sitt sena; kif ukoll riżorsi għall-għalliema tal-PSCD sabiex jitqajjem għarfien dwar ir-riskji tas-sexting lit-tfal tad-disa’ sena.
Bħala parti mill-isforz sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-użu sigur tal-internet, it-tim ta’ BeSmartOnline! ħa jħejji stand ta’ informazzjoni fi Pjazza Tritoni nhar l-4 ta’ Frar bejn id-9:00am u n-13:00pm. Ser jiġu organizzati anke attivitajiet għat-tfal. Il-ġenituri jew dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u t-tfal stess huma nkoraġġuti biex iżuru l-istand sabiex jirċievu informazzjoni dwar l-użu għaqli tat-teknoloġija.
Għal aktar informazzjoni u gwida rigward is-sigurta’ onlajn għat-tfal tistgħu żżuru www.besmartonline.org.mt jew ċemplu s-support line 179.