Minn din is-sena tfal li għandhom tnax-il sena u anqas se jingħataw it-tilqima kontra l-influwenza.
Dan ikkonfermah id-Deputat Prim Minsitru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq il-programm Paperscan fuq ONE il-Ħadd filgħodu, meta f’intervet telefoniku ta rendikont tas-sitwazzjoni anke b’rabta l-pandemija.
“U din is-sena se nibdew ukoll nagħtu t-tilqima tal-influwenza minn kmieni lit-tfal taħt it-12-il sena. Dawn s’issa m’għandhomx doża addizzjonali għal kontra l-COVID imma jidher li fix-xhur li ġejjin se jkun hemm il-possibbiltà li nagħtuha. Malta diġà għandha d-doża addizzjonali tat-tfal ordnata mingħand il-Pfizer biex kif ikollna l-awtorizzazzjoni nkunu minn tal-ewwel li nibdew nagħtuha” qal id-Deputat Prim Ministru.
Il-Ministru Fearne spjega wkoll li għadu għaddej skont kif ippjanat l-għoti tad-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
Qal li “s’issa qed nagħtu d-doża addizzjonali lil persuni li għandhom 70 sena u fuqhom, u laqqamna żewħ terzi u miexjin tajjeb ħafna. Għada fil-Parlament se nħabbar kif se mmexxu ‘l quddiem anke bi gruppi oħrajn. Id-doża addizzjonali għal din ix-xitwa hi essenzjali.”
Il-Ministru Fearne irrefera wkoll għall-mod kif qed jitnaqqsu l-miżuri b’rabta mal-pandemija, u l-importanza li kull pass li jittieħed b’rabta ma’ dan jittieħed abbażi tal-fatti u tax-xjenza.
“S’issa n-numri f’Malta, minkejja li anke li prattikament mad-dinja kollha l-każijiet tilgħin, pajjiżi bħal Malta fejn hemm in-numru tat-tilqim hu għoli, qed nagħtu d-doża addizzjonali, u żammejna kontroll ta’ numru ta’ miżuri is-sitwazzjoni hi, u jekk nibqgħu sejrin se tibqa’, taħt kontroll” temm il-Ministru għas-Saħħa.