Erbat itfal Palestinjani minn Gaza waslu f’pajjiżna biex jirċievu kura medika. Dan kif tħabbar fl-aħħar ġimgħat mill-Prim Ministru Robert Abela, fejn Malta kompliet toffri din l-għajnuna umanitarja u laqgħet lil dawn it-tliet subien u tifla, kif ukoll lil qrabathom, li qed jakkumpanjawhom.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie spjegat li minn vjaġġ mil-Lvant Nofsani, dawn it-tfal waslu fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu wara anki ħidma kkordinata taħt inizjattiva mħaddma skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili bis-sehem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta.
It-tfal se jirċievu kura medika mill-professjonisti fl-Isptar Mater Dei filwaqt li l-qraba qed jiġu ospitati mill-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS.
F’kitba fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela qal li matul il-lejl pajjiżna laqa’ tliet subien u tifla Palestinajna minn Gaza sabiex jingħataw il-kura medika.
Dr Abela qal li l-Gvern se jkompli joffri l-għajnuna umanitarja, filwaqt li se jibqa’ jaħdem bis-saħħa favur il-paċi.
