F’inizjattiva li ħa l-Kunsill Lokali tal-Imsida, it-tfal li jattendu fl-iskejjel tal-Imsida ngħaqdu sabiex daħlu aktar fl-ispirtu tal-Ġimgħa Mqaddsa billi, minflok kienu spettaturi, kienu protagonisti f’purċissjoni li għamlu flimkien.
Fil-fatt, ir-reffiegħa tad-disa’ vari maħdumin minn Johan Aquilina kienu ġejjin mill-Kulleġġ Santa Tereża Primarja Msida u mill-Iskola St Francis tal-Imsida.
Is-Sindku tal-Imsida, Margaret Baldacchino Cefai, stqarret li din l-inizjattiva ilha s-snin maħsuba biex issir realtà, iżda issa qiegħed jinħasad il-frott tagħha.
Is-Sindku Baldacchino Cefai spjegat li, “Qabbadna persuna biex tagħmlilna l-vari u s-sena l-oħra ħriġna l-ewwel sett ta’ vari. Dejjem kienet f’moħħna din l-attività. Din is-sena komplejna nżidu l-vari u fl-istess ħin inkunu għaqqadna l-iskola Primarja tal-Imsida mal-iskola St Francis, li qiegħda l-Imsida wkoll. Din hija importanti għaliex meta tara t-tfal tal-lokal, qed inrawmu fihom it-tradizzjoni tagħna l-Maltin. Hija xi ħaġa, naħseb, sabiħa.”
Fuq l-istedina tal-Kunsill Lokali attendiet ukoll l-Għaqda Melita Banda San Ġużepp tal-Imsida, li daqqet marċi funebri li komplew idaħħlu lil dawk preżenti fl-ispirtu tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Tkellima mal-President ta’ din l-għaqda mużikali, li stqarr li jinsab kuntent b’din l-inizjattiva għax, minkejja li fl-Imsida m’hemmx purċissjoni tradizzjonali, b’dan il-mod iż-żgħar tal-lokal xorta qegħdin jesperjenzaw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Bartolo qal li, “Kien ta’ pjaċir għalina li naċċettaw għaliex aħna nħossu li dawn l-attivitajiet ikomplu jkabbru il-kultura reliġjuża fil-lokalità tagħna. Aħna m’għandniex vari tal-Ġimgħa l-Kbira imma din hija inizjattiva tajba. Għaliex, għalkemm kif għidt qabel, m’għandniex il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, norganizzaw diversi attivitajiet biex għall-inqas indaħħlu l-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa fl-Imsida.”