Mal-wasla tagħha f’wieħed mill-kampijiet tar-refuġjati li hemm mal-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija, kienet milqugħa minn Sabha. Tifla ta’ għaxar snin. Ħarbet mis-Sirja flimkien ma’ familtha ftit tax-xhur ilu. Kellmitha bl-Għarbi u weġibtha bil-Malti. Irrakkuntatilha dwar l-iktar lezzjoni favoritha tagħha fl-iskola fejn qed tmur bħalissa fit-Turkija.
Imxiet maċ-ċkejkna id f’id madwar fil-madwar tal-kampijiet. Il-bqija tat-tfal bdew jinġabru magħhom. Fosthom kien hemm erbgħa li qabdu ma’ saqajha. Iddispjaċiha li ma kellha xejn fuqha – ħelu jew ġugarelli – x’tagħtihom. Iżda tifla mfarfra qaltilha: “Mhux problema. Imħabba u attenzjoni kulma jridu.”
Flimkien ma’ numru ta’ uffiċjali oħra tal-Parlament Ewropew, Pia Micallef daħlet fil-kamp ta’ Nazip bħala parti minn żjara uffiċjali fejn matulha ġie diskuss il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija.
Ma’ one.com.mt, il-Maltija rrakkuntat kif f’mument minnhom instemgħet il-qanpiena ddoqq. Kien imiss il-ħin tal-lezzjonijiet taċ-ċkejknin.
“Kaxkruna magħhom fil-klassijiet tagħhom. Tkellimna ma’ wieħed mill-għalliema. Kien minn tal-ewwel li vvolontarja biex jibda jgħallem f’dawn il-kampijiet. ‘Il-ħlas huwa t-tbissima tagħhom’ – qalilna l-għalliem.”
Żaru faċilitajiet oħra. Daħlu f’ħanut tax-xagħar fejn irġiel u nisa kienu qed jingħataw korsijiet fuq ix-xagħar; fis-suq fejn il-familji jistgħu jonfqu it-80 lira li jtihom il-Gvern f’ikel u affarjiet oħra bażiċi; u bandli mdawwar b’barbed wajer.
“Ix-xeni jaqsmulek qalbek. Imma tifel żgħir, bjond, tajjarli ħsibijiet koroh. Talabna biex nilagħbu miegħu. Kont determinata li ma nibqax naħseb li tfulitu tfisser barbed wajer u gradi għolja tal-ħadid.
“Imħabba u rispett kulma jridu”
Quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn, tinsab konxja li privileġjata li twieldet fl-aħjar post, fl-aħjar żmien, bl-aħjar opportunitajiet u ’l bogħod minn sitwazzjonijiet koroh. “Meta ħarist f’għajnejhom, stħajjilthom jgħiduli ‘imma għalfejn l-Ewropa ma tridniex?’
B’riżultat tal-gwerer u l-kunflitti li hemm fis-Sirja, ftit iżjed minn 2.5 miljun Sirjan ħarbu minn darhom. Il-Gvern Tork iħaddan politika ta’ bieb miftuħ għal dawk is-Sirjani li jaħarbu minn pajjiżhom. Minkejja dan, huma eliġibbli biss għall-‘Stat ta’ Protezzjoni Temporanja’ – jiġifieri mhux jingħataw l-istess drittijiet bħala refuġjati.
Xeni minn wieħed mill-kampijiet f’Gaziantep: