Mijiet ta’ tfal. Pajjiżi u lingwi differenti. B’xi ħaġa li tgħaqqadhom, dik li lkoll jgħixu fi djar residenzjali madwar id-dinja. Dan kien is-sentiment waqt tournament tal-futbol, bl-isem ta’ ‘Hope for Mondial’, li sar f’Warsaw, il-Polonja, bis-sehem ta’ tfal taħt is-sittax-il sena, li jgħixu fi djar residenzjali minn diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Grupp ta’ għaxart itfal minn Dar San Ġużepp fil-Ħamrun ingħataw l-opportunità, permezz tas-sostenn mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, biex jieħdu sehem ukoll f’din il-kompetizzjoni barra minn xtutna.
Waqt li żorna r-residenza tas-sajf ta’ Dar San Ġużepp, f’Birżebbuġa, fejn kien hemm ukoll dawn iż-żgħażagħ, tkellimna mal-kordinatur tagħhom, Fr Louis Mallia, li hu wkoll id-Direttur tar-residenza.
Hu stqarr li, permezz tas-sostenn mill-Gvern, dawn it-tfal kellhom waħda mill-isbaħ esperjenzi tagħhom, fejn ukoll bnew ħbiberiji ma’ tfal minn madwar id-dinja, bi stejjer simili għal tagħhom.
“L-aktar ħaġa sabiħa li kien hemm, kienu l-mijiet ta’ tfal u s-sentiment kien li dawn it-tfal kollha jappartjenu għal storja komuni – li qed jgħixu fid-djar residenzjali. Tara l-ferħ fuq wiċċhom, in-nies ta’ magħhom, inkluż aħna, l-entużjażmu li t-tfal ikollhom l-opportunitajiet kollha li jixirqilhom.”
Fr Louis, qal li dan kollu jindika kif madwar id-dinja, id-djar residenzjali huma post sabiħ ħafna li hu alternattiva fit-trobbija tat-tfal.
Hu żied jgħid li wieħed mit-tfal, tant ħa gost waqt il-logħba, li r-reazzjoni tiegħu għall-gowl, li kien għadu kemm għamel, spiċċat fuq il-poster ta’ dan it-tournament.
“Qallu mur agħtih int u dak, b’entużjażmu, mar u xxuttja u daħħlu u dan feraħ. Tant feraħ li l-fotografu li qabdu jifraħ, għamlu l-banner tal-għada.”
Hu temm jesprimi, kif attivitajiet ta’ din ix-xorta, juru li aħna lkoll parti minn dinja waħda u fiha rridu nagħmlu mill-aħjar li nistgħu.