Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, f’kollaborazzjoni mal-Embassy Cinemas, nieda inizjattiva ġdida esklussiva għal tfal u familji Beltin.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, it-tfal mill-Belt Valletta li għandhom sa 11-il sena jkunu jistgħu jidħlu bla ħlas ma’ kull adult li jħallas, mingħajr limiti, fl-Embassy Cinemas.
Biex jingħataw dan il-beneffiċju, l-adult irid jippreżenta l-karta tal-identità.
Dan il-proġett għandu l-għan li joffri opportunità ta’ divertiment għall-familji Beltin fil-qalba tal-Belt Kapitali, filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u l-komunità.
Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva u qal li dan il-proġett jagħti ċans lill-familji Beltin li jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien, u fl-istess ħin, igawdu d-divertiment li joffru l-Embassy Cinemas.
Id-Direttur Maniġerjali tal-Embassy cinemas sostna kemm jinsabu sodisfatti li qed jagħmlu parti minn inizjattiva li ġġib il-ferħ taċ-ċinema lit-tfal u l-familji tal-Belt Valletta.