150 passiġġier, ħafna minnhom tfal Maltin tħallew b’ta’ fuqhom senduqhom f’ajruport fid-Danimarka.
Il-maġġoranza ta’ dan il-grupp kienu tfal mill-klabb tal-futbol tas-Sirens u l-Pro Touch Academy u l-grupp kellu jiġi lura mill-belt ta’ Aalborg f’titjira privata.
Il-klabb rifes l-art tad-Danimarka madwar ġimgħa ilu b’titjira privata iżda għal xi raġuni biex jiġu lura f’pajjiżna, dawk responsabbli mit-titjira privata m’onorawx l-obbligazzjoni tagħhom.
Ix-xorti ma tantx daħqitilhom għaliex anki fl-ewwel titjira lejn id-Danimarka l-kontinġent Malti ħabbat wiċċu ma’ dewmien fit-titjira u minflok telqu fl-10 ta’ filgħodu, telqu fis-7 ta’ filgħaxija u minħabba f’hekk tilfu ċ-ċerimonja tal-ftuħ.
Il-kumpanija privata li suppost tat dan is-servizz lejn u mid-Danimarka hi Flight Support Services u għamlet l-ewwel titjira permezz tal-operatur VML. Il-kumpanija, li hi ta Joffrey Mallia, ħassret it-titjira lejn Malta mingħajr m’offriet alternattiva għal dan in-nuqqas.
Meta l-awtoritajiet Maltin saru jafu b’dan, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ta direzzjoni biex l-linja tal-ajru nazzjonali ta’ pajjiżna, l-Air Malta topera titjira biex iġġib lura l-grupp ta’ nies mid-Danimarka. Il-kontinġent Malti għandu jasal fis-sigħat bikrin t’għada filgħodu.
L-Air Malta sostniet li hija tibqa’ impenjata biex tgħin lil dan il-grupp, minkejja li tinsab fl-eqqel tas-sajf fejn l-operazzjonijiet tal-kumpanija jkunu bil-gzuz.
Hu mifhum li l-impjegat tal-Air Malta Joffrey Mallia jinsab sospiż u l-kumpanija ma tafx jekk hux se tonora kuntratti oħra li għandha mal-klabbs tal-Pietà u l-Ħamrun.
I requested @AirMalta to operate a relief flight to repatriate 150 Maltese passengers, mostly children, who were left stranded in Denmark by a private charter operator. Clear proof that Air #Malta continues to be a strategic asset for our country.
— Konrad Mizzi (@KonradMizzi) July 15, 2019