Ċifri li kiseb ONE News mingħand it-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, juru li kulma jmur, aktar persuni qed jersqu ’l quddiem biex jirrapportaw każijiet ta’ vjolenza domestika.
Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, din it-Taqsima daħlulha aktar minn tliet mija u tletin rapport, li bejniethom jinkludu aktar minn erba’ mija u erbgħin vittma u erba’ mija u tmien aggressuri. Dawn tal-aħħar affaċċjaw bejniethom aktar minn tmien mitt akkuża.
Is-sena l-oħra, ir-rapporti qabżu l-elf u mitejn, u kien hemm aktar minn elf u sitt mitt vittma. F’dan il-perjodu nħarġu kważi tlett elef akkuża lil elf, sitt mija u żewġ aggressuri.
F’intervista ma’ ONE News, is-Supretendent Johann Fenech fakkar kif din l-iskwadra twaqqfet f’Ottubru tal-elfejn u għoxrin u minn dakinhar ’l hawn kienet irreġistrata żieda fir-rapporti ta’ dawn il-każi.
Huwa nnota li ż-żieda fil-każijiet ġew irrappurtati f’sena ta’ pandemija li ġabet magħha element qawwi ta’ inċertezza.
Qal, “In-nies għamlu ħinijiet twal imsakkrin id-dar allura hemm l-istress, jaf ikun hemm diġà sparks bejn il-koppji, il-fatt li huma msakkrin id-dar, inċertezzi allura dawn iwasslu wkoll għal żieda f’dawn it-tip ta’ rapporti.”
L-istatistika turi li l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa iżda fl-istess waqt żdiedu wkoll l-irġiel li ħassewhom komdi jirrappurtaw każijiet ta’ vjolenza domestika.
Eżempju, is-sena l-oħra, aktar minn elf vittma kienu nisa, imma kien hemm ukoll aktar minn ħames mitt rġiel u sitta u erbgħin minuri.
Din is-sena sa issa, mitejn u tmienja u sittin mill-vittmi kienu nisa, mija u sebgħa u erbgħin irġiel, u sitta u għoxrin minuri.
Qal, “Ir-raġel min-natura tiegħu, jaħsibha darba, tnejn, tlieta anki għaxra sakemm jiġi jagħmel rapport għax ir-raġel fin-natura tiegħu jħossu kemmxejn inferjuri jekk jiġi jagħmel rapport kontra l-mara jew il-partner allura tibqa’ cultural issue.”
Is-Supretendent spjega li kull każ jiġi trattat bl-istess kejl imma meta jkun hemm it-tfal involuti, hija weġgħa ferm ikbar, u l-uffiċjali tal-Korp ibatu magħhom.
Qal, “Ġeneralment, tfal żgħar ħafna li qed jesperjenzaw dit-tip ta’ vjolenza fid-dar fejn joqgħodu huma bejn il-ġenituri tagħhom, il-weġgħa tkun enormi u tħalli impatt serju fuqhom għal żmien twil wara. F’dawn il-każijiet, li sfortunatament ikollna ħafna aħna, inkellmu t-tfal aħna mal-Appoġġ u tara li t-tifel jew it-tifla tkun għaddejja minn xokk.”
Huwa kompla jispjega li t-tfal ġieli lanqas ikollhom vuċi biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.
Qal, “Ġieli kellna każijiet hawnhekk fejn il-mara ġiet per eżempju b’erbat itfal ma tafx x’ħa tagħmel għax sawwatha r-raġel u nippruvaw insibulha xelter u għandna kamra fejn jilagħbu t-tfal jiġifieri aħna nippruvaw nagħmlu minn kollox biex is-sitwazzjoni tkun eased però l-weġgħa tibqa’ hemmhekk u tkun iebsa biex tegħlibha.”
Is-Supretendent qal li l-ewwel pass huwa l-aktar diffiċli imma jeżistu ħafna aġenziji u għaqdiet li joffru għajnuna f’każijiet bħal dawn.
It-Taqsima tal-Pulizija hija l-post fejn isir rapport u jittieħdu passi legali.
Qal, “Ħafna mbagħad jgħidulek, isma’ ħa naħfer. Jiena ma nistax ngħidlek taħfirx jew le anki jekk is-sitwazzjoni tkun marret għall-aħjar wara r-rapport però l-liġi hija ċara. Once li jidħol rapport se nieħdu passi l-Qorti.”
Għalhekk l-importanza li wieħed jagħrbel sew is-sitwazzjoni, iżda ħadd m’għandu jbati fis-skiet.
Qal, “Min forsi qed ibati, m’għandux jibqa’ jbati fis-silenzju. Hawn ħafna aġenziji, hawn aħna fejn wieħed jista’ jiġi jagħmel rapport u jiftaħ qalbu u nieħdu l-passi kollha li hemm bżonn.”