Aktar minn sitt mitt tifel u tifla wrew ix-xewqa li meta jikbru jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies billi jaħdmu fis-Servizz Pubbliku.
Dawn ħadu sehem f’kompetizzjoni organizzata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni bit-tema, ‘X’Tixtieq Issir La Tikber?’
Tnejn minn dawn l-istudenti spjegaw ma’ ONE News x’jixtiequ jsiru la jikbru.
- Huma qalulna,“Pulizija tal-forensika”,
- “Jien nixtieq insir perit.”
L-esibizzjoni wriet li dawn huma konxji tal-importanza tas-servizz pubbliku, tant li tnejn u għoxrin fil-mija qed jimmiraw għal karriera fil-mediċina jew fix-xjenza, u tmintax fil-mija qed jaspiraw li jispeċċjalizzaw fil-kultura.
Ħmisax fil-mija tal-istudenti jixtiequ jsiru pumpieri, pulizija jew suldati; erbatax fil-mija jitħajru jsiru għalliema, filwaqt li għaxra fil-mija jagħżlu karriera qalb in-natura u l-annimali.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li x-xewqat li esprimew it-tfal jirriflettu l-varjetà kbira ta’ karrieri li joffri s-Servizz Pubbliku.
Huwa stqarr: “Kompetizzjonijiet bħal dawn, wirjiet bħal dawn, għalhekk jagħlu parti mill-ġimgħa għas-servizz pubbliku. Inħobb insejħilhom, l-ispring board, għas-servizz pubbliku għaddej. Ma rridux nitkellmu dwar is-servizz pubbliku tal-lum, iżda wkoll dwar is-Servizz Pubbliku ta’ għada u pitgħada.”
Nhar is-Sibt ħamsa ta’ Ġunju, is-Servizz Pubbliku se jiftaħ il-bibien tad-dipartimenti tiegħu għat-tfal kollha li ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni biex jagħtihom l-opportunità li jqattgħu ftit sigħat fil-postijiet tax-xogħol li huma miġbudin lejhom.