Earth Speakr hu xogħol artistiku interattiv ġdid mill-artist Olafur Eliasson li huwa mmirat biex itejjeb il-fehmiet tat-tfal dwar il-benesseri tal-pjaneta għall-ġejjieni. Ix-xogħol artistiku qiegħed iħeġġeġ lill-adulti, lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet kurrenti, lil dawk il-persuni li jfasslu l-bidla u lill-mexxejja globali, biex jisimgħu dak li għandhom x’jgħidu t-tfal. Earth Speakr juża r-realtà awmentata (augmented reality) u jinkludi app b’xejn u websajt interattiva (www.earthspeakr.art) disponibbli f’24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Eliasson ħoloq dan ix-xogħol artistiku fl-okkażjoni tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) 2020.
Matul is-sitt xhur li ġejjin, wieħed jista’ jniżżel l-app Earth Speakr u jsebbaħ l-ambjent ta’ madwaru bl-użu ta’ teknoloġija interattiva għall-gost ta’ kulħadd. Tfal u żgħażagħ li għadhom ma jistgħux jivvutaw, jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem billi jagħtu leħen lil kwalunkwe ħaġa, pereżempju: siġra, qoxra ta’ banana, is-sema, jew it-triq – u jitkellmu kemm f’isem l-ambjent lokali ta’ madwarhom u kif ukoll f’isem il-pjaneta. Il-messaġġi kreattivi tagħhom jintbagħtu fuq www.earthspeakr.art u jkunu esperjenzati fuq l-app permezz ta’ realtà awmentata.
Eliasson u l-istudjo tiegħu żviluppaw dan ix-xogħol artistiku, fil-biċċa l-kbira tiegħu hu diġitali, bl-appoġġ ta’ tim estensiv li jinkludi tfal, riċerkaturi, u speċjalisti oħrajn. Barra minn hekk, il-proġett qed jissieħeb ma’ network dejjem jikber ta’ mużewijiet, libreriji u istituzzjonijiet edukattivi, bħall-Goethe-Institut, biex jaqsmu x-xogħol tal-arti kemm online kif ukoll fid-dinja reali, meta u fejn hu possibbli, fi żminijiet ta’ distanzi soċjali.