Matul il-jum tas-Sibt, 620 tifel u tifla ngħataw l-opportunità permezz tas-Servizz Pubbliku jieħdu sehem fil-kompetizzjoni ‘X’tixtieq issir la tikber?’ u qattgħu nofstanhar fil-professjoni li jaspiraw li jidħlu fiha meta jikbru.
Mis-suldati u l-pulizija, għall-veterinarji, artisti, għalliema u saħansitra ġurnalisti.
B’hekk din l-attività għalqet is-seba’ edizzjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar stqarr, “Is-Servizz Pubbliku dejjem se jibqa’ fi bżonn ta’ karrieri, għalhekk mhux qed naħsbu biss fil-lum iżda wkoll f’għada. L-opportunità lil dawn it-tfal hi parti mill-investiment fin-nies li qed nagħmlu, aspett ewlieni tal-istrateġija l-ġdida flimkien mat-teknoloġija u s-servizz innifsu.”
Is-Sur Cutajar sostna li investiment fil-karrieri se jwassal għal servizz ta’ eċċellenza li s-Servizz Pubbliku jrid jagħti lill-klijenti tiegħu.
Is-Servizz Pubbliku issa se jkollu strateġija ta’ ħames snin biex isaħħaħ lilu nnifsu, fejn għall-ewwel darba din se tiġbor flimkien it-tliet elementi ewlenin li fuqhom jaħdem is-Servizz Pubbliku, jiġifieri t-teknoloġija, in-nies, u s-servizz.