It-tfal iridu li l-adulti juru aktar rispett lejn xulxin, hekk kif studju dinji li kien ippubblikat ftit tal-jiem ilu kkonferma li 41% tat-tfal raw adulti jonqsu mir-rispett lejn xulxin fl-aħħar sitt xhur.
97% mit-tfal li ħadu sehem fl-istħarriġ kontra l-ibbuljar qalu li jridu li l-adulti jkunu aktar ta’ eżempju għalihom u ma jxekklux ħidmet xulxin.
Dawn it-tfal qalu li kemm f’postijiet tax-xogħol, jew id-dar, jew fil-midja, hemm numru kbir wisq ta’ adulti li jippriedkaw kontra l-ibbuljar, iżda ma jġibux eżempju tajjeb lil uliedhom.
Dan l-istudju kien ippubblikat bil-għan li jqajjem aktar kuxjenza kontra l-ibbuljar fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan anke fid-dawl li l-ġimgħa d-dieħla hija l-ġimgħa dinjija ta’ kontra l-ibbuljar.