Il-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal daħlet fis-seħħ wara li l-Gvern ippubblika dan l-att fil-gazzetta tal-Gvern.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie mħabbar dan wara li l-liġi għaddiet mill-istadji kollha u ġiet approvata fil-Parlament u hu mistenni li sa Diċembru tidħol b’mod komplet il-liġi sħiħa.
Dr. Andy Ellul li kien responsabbli mit-tfassil tal-liġi spjega numru ta’ tibdiliet wara emendi li tressqu fil-Parlament.
Punt notevoli huwa li tfal li jkunu fil-fostering, wara 5 snin jistgħu jiġu addotati iżda punt ġdid fil-liġi li ma ssemmiex qabel huwa li l-foster parents li jgħaddu minn skrutinju rett kull sena dwar kif iħarsu t-tfal taħt ir-responsabilità tagħhom, jekk ikollhom 3 rapporti konsekuttivi pożittivi, dawn jistgħu jaddottaw it-tfal wara 3 snin u mhux 5 snin.
F’indirizz li għamel, il-Ministru reponsabbli mid-drittijiet tat-tfal, Michael Falzon ingħaqad ma’ dak li qal Dr. Ellul dwar il-perjodu li l-adozzjoni anki tniżżlet għal 3 snin, kemm il-darba jkun hemm rapporti pożittivi.
“Tifel jew tifla iltiema, jekk l-foster parents ikollhom tliet rapporti pożittivi, għandek iżommhom 5 snin qabel ikollhom familja permanenti permezz t’adozzjoni?”, staqsa Dr. Falzon.
Huwa qal li l-liġi l-ġdida tistipula li r-rapport ta’ skrutinju jsir kull sena fl-ewwel 3 snin.
Dan għal kuntrarju ta’ dak li kien jiġri qabel meta r-rapport kien isir kull sentejn.
Il-Ministru Falzon enfasizza wkoll dwar il-fatt li deċiżjoni li tkun ittieħdet fuq it-tfal tiġi appellata.
Fil-passat ġenituri tilfu l-ħarsien tat-tfal tagħhom mingħajr ma kellhom l-opportunità li jappellaw u għalhekk din inbidlet fejn tat ċans li anki jsir skrutinju fuq deċiżjoni partikolari.
Qal li f’din il-liġi l-politiku mhux se jibqa’ jiddeċiedi hu dwar il-ħarsien tat-tfal.
Il-Ministru Falzon qal li f’din il-liġi ġie applikat il-mudell Iżlandiż fejn se jkun hemm dik imsejħa bħala Children’s House, fejn il-minuri ma jkollux jitla’ jsemma’ leħnu f’ambjent ta’ Qorti, iżda f’ambjent iktar addattat u adegwat għalih.
Tkellem ukoll dwar il-ħsieb ta’ ċentru terapewtiku għal tfal li minħabba kundizzjoni severa jkunu inkontrollabli u għalhekk huwa l-professjonist flimkien ma’ min jieħu d-deċiżjoni li jibgħat lil dawn it-tfal hemm u mhux il-politiku.
Semma wkoll li f’ċertu karigi importanti b’rabta mal-ħarsien tat-tfal, dawn jingħataw wara sejħa pubblika.
Dr. Ellul żied jgħid li dan l-att iħares it-tfal li huma mċaħħda mill-ħarsien jew huma fir-riskju ta’ dan.
“Din hija liġi preventiva li tissalvagwardjaw mhux meta l-ħsara tkun saret”, saħaq l-avukat Ellul.
B’din il-liġi l-ġdida l-professjonist li jinvestiga u jirrapporta abbuż b’sens ta’ rieda tajba m’għandux il-biża’ li jista’ jaffaċja proċeduri fuq xi reat.
Dan minbarra li se jkun hemm direttur responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal li jkun ġej mill-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali li titmexxa minn bord tal-Gvernaturi.