Ġie rrappurtat mill-midja internazzjonali li l-ewwel 29 minn madwar elfejn tifel u tifla, li għandhom bżonn kura medika, waslu l-Ġordan wara li kienu evakwati minn Gaża. Huma ttieħdu għall-kura fl-Isptar King Hussein f’Amman.
Fost dawn hemm dawk midruba fil-gwerra kif ukoll tfal li qed ibatu mill-kanċer u kundizzjonijiet rari tad-demm.
Dan it-trasferiment qed iseħħ wara ftehim milħuq bejn Iżrael u l-Ġordan li kien approvat mill-Istati Uniti. Kull tifel jew tifla qed ikun akkumpanjat minn tal-anqas persuna waħda tal-familja u dawk kollha li qed ikunu evakwati kellhom il-permess li jagħmlu dan mingħand Iżrael.
Huma telqu minn Kerem Shalom li kienet l-entratura prinċipali għad-dħul tal-għajnuna umanitarja matul il-gwerra u s-sitt ġimgħat tal-ftehim ta’ paċi, iżda issa li Benjamin Netanyahu pprojbixxa d-dħul tal-għajnuna umanitarja f’Gaża, Kerem Shalom jinsab vojt. Filfatt dan il-parkeġġ enormi li qabel kien mimli trakkijiet ta’ għajnuna, t-Tlieta kien totalment vojt għajr għall-preżenza ta’ ftit suldati u l-viżitaturi mill-Ġordan.
Erba’ ħelikopters tal-forzi tal-ajru tal-Ġordan niżlu fuq l-asfalt sabiex jittrasportaw 4 t’itfal li kienu partikolarment f’qagħda kritika għal trattament ta’ emerġenza f’Amman. Il-24 l-oħra ttieħdu b’ambulanzi filwaqt li karozzi tal-linja ġarrew lill-ġenituri tagħhom, ħuthom żgħar u nies li kienu qed jieħdu ħsiebhom.
Dan hu biss l-ewwel pass, hekk kif il-gvern tal-Ġordan qed jippjana li jieħu elfejn tifel u tifla li jinsabu f’qagħda medika kritika f’Gaża. Skont il-ftehim il-grupp li jmiss jistgħu jinħarġu biss meta dawn it-tfal ikunu trattati u rritornati lura f’Gaża fejn sa dak iż-żmien ma jidhirx li hemm garanzija li ma tkunx reġgħet bdiet il-gwerra.