Tfal bl-awtiżmu ser ikollhom l-opportunità li jgawdu minn spazji miftuħa li huma siguri u fl-istess waqt trankwilli.
Dan hekk kif tliet skejjel primarji f’Malta ta’ H’Attard, taż-Żokrija l-Mosta , u ta’ Marsaxlokk flimkien mal-iskola tas-Sannat Għawdex ser ikunu qegħdin jiftħu l-bibien tagħhom għal dawn it-tfal li qegħdin jaffaċjaw diffikultajiet f’ħajjiethom b’rabta mal-kundizzjoni tal-awtiżmu.
Din hija s-sitt sena konsekuttiva li l-iskejjel qegħdin jiftħu l-bibien tagħhom għal dawn it-tfal wara li kien sar esperiment mill-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri li għandhom Tfal b’Awtiżmu sabiex joffru dawn it-tip ta’ spazji lil dawn it-tfal.
Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni mal-Gvern kif ukoll bis-sehem tal-Fondazzjoni Marigold- fejn is-Sinjura Michelle Muscat saħqet dwar l-importanza li jkun hemm aktar access għal dawn it-tfal b’awtizmu ħalli b’hekk huma jkunu jistgħu iqattgħu ftit ħin tal-mistrieħ u fl-istess waqt jiżviluppaw il-karattru tagħhom.