Tul dawn l-10 ġimgħat li ġejjin, sa Settembru, 36 tifel u tifla Għawdxin li għandhom abilitajiet differenti se jkunu qed jibbenifikaw minn kors, b’investiment ta’ kważi mitt elf ewro.
Dan l-investiment se jkun kofinanzjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur permezz ta’ Aġenzija Sapport u l-Ministeru għal Għawdex u b’iffirmar ta’ ftehim mal-għaqda volontarja Għawdxija Voice for Inclusion.
L-età tat-tfal tvarja minn 3 snin sa 16-il sena. Dawn it-tfal se jkollhom programm personalizzat sabiex itejbu l-abilitajiet tagħhom u jkollhom aktar opportunitajiet ta’ inklużjoni fil-komunità.
Kull parteċipant fil-kors se jkollu LSE fuq bażi individwali u speċjalizzati li jaraw il-progress ta’ kull student u li kulħadd ikun inkluż fl-attivitajiet preparati.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Sciculna qal li kollaborazzjonijiet ta’ dan it-tip ikomplu jsaħħu l-varjetà tas-servizzi u inizjattivi disponibbli għal persuni b’diżabilità u joffru possibilitajiet fejn jaraw li hemm nuqqas.
“Il-kunċett li fis-Sajf ikomplu għaddejjin u jimirħu t-tfal u jitgħallmu ċertu skills huwa importanti u speċjalment fejn jidħlu tfal b’diżabilità. Għalhekk hija importanti li aħna bħala aġenzija inkomplu naħdmu id f’id mal-għaqdiet biex fejn ma nilħqux aħna ikunu jistgħu ukoll jgħinu bil-limiti tagħhom u bir-riżorsi tagħhom l-għaqdiet volontarji.”
Preżenti kien hemm l-Ministru Julia Farrugia Portelli fejn qalet li l-impenn tal-Gvern fis-settur tad-diżabilità huwa wieħed ċar u xhieda ta’ dan hija l-ħidma konġunta li wasslet għal dan il-ftehim.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal li permezz ta’ dan il-ftehim ser jassigura li matul ix-xhur tas-sajf, dawn it-tfal ikollhom l-opportunità jintegraw u jħossuhom aktar inklużi fis-soċjetà tagħna.
Din se tkun it-tielet sena li se jkun organizzat dan il-kors għal matul ix-xhur tas-sajf.