Studju riċenti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) wera bl-aktar mod ċar li tfal b’diżabilità għandhom possibbiltà akbar li jkunu vittmi ta’ abbuż fiżiku, psikoloġiku u sesswali. L-istess studju juri li hemm probabilità ferm anqas li dawn it-tfal ikunu protetti f’każijiet bħal dawn, u ħafna drabi jiġu injorati għal kollox.Ir-rapport jissuġġerixxi li miżuri li jikkumbattu l-iżolament u s-segregazzjoni huma l-qofol biex tiġi miġġielda din il-problema ta’ abbuż, kif ukoll biex jiġi assigurat l-impenn u l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-livelli kollha.
B’rabta ma’ dan, il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet li filwaqt li l-ħarsien u l-inklużjoni tat-tfal b’diżbilità huma fir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri fl-ambitu tal-kompetenza tagħha.
“Il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu l-għan ewlieni tal-Unjoni Ewropea għax fl-aħħar mill-aħħar huma mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Għalhekk li se nibqa’ impenjata biex inħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea taħdem qatigħ, l-aktar biex tippromwovi d-dritt tat-tfal b’diżabilità bil-għan li jkunu inklużi fil-komunità,” sostniet Miriam Dalli.
F’mistoqsija parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea Dr Dalli appellat lill-Kummissjoni biex tindirizza bis-serjetà kwalunkwe abbuż, vjolenza jew bullying li jsiru fuq tfal b’diżabilità filwaqt li staqsiet x’għamlet il-Kummissjoni s’issa f’dan ir-rigward.
Sar magħruf li s’issa, kull Stat Membru rratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, liema konvenzjoni telenka d-drittijiet kollha tat-tfal inkluż dawk politiċi, soċjali, ekonomiċi u anke tas-saħħa, fost l-oħrajn.
Il-Kummissjoni Ewropea spjegat kif matul id-disa’ Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ressqet għaxar prinċipji biex jinħolqu sistemi ta’ integrazzjoni aħjar għall-protezzjoni tat-tfal. Għall-prevenzjoni f’dan il-qasam importanti wkoll il-Programm tal-UE għad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza.
Fir-Rapport Konġunt tagħhom tal-2015 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku Ewropew għall-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Kunsill Ewropeja u l-Kummissjoni Ewropeja qed iwiegħdu titjib fl-aċċess għall-edukazzjoni inklussiva lill-persuni b’diżabilità.
B’reazzjoni għal dan, il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet li hemm bżonn li naċċertaw edukazzjoni inklussiva li ma tħalli lil ħadd barra.
“Jien nemmen li l-edukazzjoni hija pedament sod li jista’ joffri l-akbar protezzjoni lit-tfal kollha, irrilevanti mill-abbiltajiet tagħhom. Għalhekk hemm bżonn li l-pajjiżi kollha, inkluż Malta, jkomplu jinvestu f’edukazzjoni inklussiva li tħares l-ewwel u qabel kollox lejn kif nistgħu nimmasimizzaw il-potenzjal ta’ kull tifel u tifla u kif nistgħu ngħinuhom jimxu ’l quddiem fil-karrieri tagħhom,” ikkonkludiet Miriam Dalli.