Tfajla wara oħra, armati b’karta quddiemom b’memorji xokkanti ta’ abbuż sesswali ressqu quddiem Maġistrat jakkużaw lit-tabib tat-tim tal-ġinnastika Amerikan, Dr. Lawrence G. Nassar, li abbużahom meta kienu taħt il-kura tiegħu.
Għal erbat ijiem sħaħ, f’awla tal-Qorti fl-Istati Uniti, nisa u tfajliet – bosta minnhom ġinnasti tal-Istati Uniti, b’oħrajn jirrakkontaw kif il-ħolm tagħhom sfaxxaw fix-xejn, spjegaw kif Nassar abbużahom meta kellhom bżonn il-kura wara li ndarbu waqt xi taħriġ. Huma aktar minn 100 mara u tfajla, li rrakkontaw episodji tul ħajjithom, b’uħud imorru lura meta kellhom biss tmien snin dwar kif kien jgħid lill-ġenituri tat-tfal li hemm bżonn li jwettaq proċedura biex itejjeb is-saħħa tat-tifla, meta fil-verita, kien ikun qed ibabashom.
Dr. Nassar ta’ 54 sena, wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ abbuż sesswali, fejn aktar kmieni ngħata sentenza ta’ 60 sena ħabs fuq pornografija tat-tfal.
Dan il-każ qed jitqies bħala wieħed xokkanti fid-dinja ta’ dan l-isport, dan hekk kif bosta mill-vittmi, bid-dmugħ f’għajnejhom waqt li jagħtu l-kumment tagħhom fil-Qorti, qalu li ma ħassewhomx ipproteġġuti bl-ebda mod u li ma sabu ebda appoġġ fejn setgħu jmorru għall-għajnuna.
Bosta mill-vittmi sostnew li dawn kienu episodji li baqgħu għaddejjin għal snin twal, b’omm ta’ tifla minnhom tibki u tolfoq filwaqt li tispjega kif bintha qatlet ruħha b’idejha kawża ta’ dak li għaddiet minnu.
Il-każ mistenni jkompli fil-ġimgħat li ġejjin.