Joseph Majri ta’ 22 sena minn Ħal Tarxien wieġeb mhux ħati li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis f’ċirkostanzi li ma kinitx għall-użu personali.
L-Ispettur Justine Grech spjegat fil-Qorti f’seduta ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli kif il-Pulizija kienet mgħarrfa liż-żagħżugħ kellu fil-pussess tiegħu d-droga. Wara li segwewh il-Pulizija sar magħruf li l-akkużat kien qiegħed isuq karozza mhux irreġistarata f’ismu u sabu tliet kilgrammi ħaxixa tal-kannabis u ċavetta ta’ garaxx li fih kien hemm sitt kilogrammi oħra ta’ ħaxixa tal-kannabis.
L-avukat tad-difiża qal li minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u l-Pulizija għadha ma ppreżentatx l-evidenza li tikkrima lill-akkużat, huwa m’għandux għalfejn jibqa’ miżmum arrestat. L-avukat difensur saħaq li l-imputat qatt ma kien arrestat qabel u għandu impjieg fiss.
Il-Qorti ħarġet ordni biex jiġu ffriżati l-propretajiet kollha tal-akkużat.