Tfajla mill-Arabja Sawdija, Rahaf Mohammed al-Qunun, ta’ 18-il sena ħarbet mill-familja tagħha minħabba biża’ li setgħet tinqatel. Hija ngħalqet fil-kamra tal-lukanda fl-ajruport ta’ Bangkok.
Uffiċjali tal-immigrazzjoni Tajlandiża jridu li hi tirritorna lejn il-Kuwajt fejn jinsabu l-qraba tagħha.
Minkejja li l-uffiċjali kienu stazzjonati barra l-kamra tal-lukanda, Al-Qunun rrifjutat li titla fl-ajruplan li kien sejjer lejn il-belt tal-Kuwajt.
“Ħuti u l-familja kif ukoll l-Ambaxxata tal-Arabja Sawdija qed jistennewni l-Kuwajt” qalet it-tfajla lir-Reuters.
“Huma se joqtluni. Ħajti tinsab fil-periklu. Huma jixtiequ joqtluni għall-affarijiet mill-iktar trivjali”.
Għaqdiet tad-Drittijiet tal-Bniedem irrimarkaw kemm huma inkwetati dwar din is-sitwazzjoni.
“Hija ngħalqet fil-kamra tal-lukanda u qalet li mhux se titlaq sakemm tingħata permess tiltaqa’ mal-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u tingħata protezzjoni”, qal id-Deputat Direttur tad-Drittijiet tal-Bniedem Phil Robertson fuq Twitter.
Is-Sur Robertson qal li Avukati Tajlandiżi fetħu kawża lill-Qorti Kriminali ta’ Bankok “biex jipprevjenu d-deportazzjoni ta’ Rahaf lejn il-Kuwajt”. Huwa żied jgħid li “iż-żmien huwa qasir u hi qed taffaċċja periklu kbir”.