Tfajla ta’ 16-il sena, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li għadha minorenni ammettiet li qabbdet nar fil-pompa tal-petrol li tinsab biswit parkeġġ kbir fil-Furjana.
Hija kienet akkużata li fl-aħħar jum t’April li għadda qabbdet nar lil xi materjal li jaqbad meta fil-pompa tal-petrol saħansitra kien hemm xi nies.
Meta kienet affaċċjata bl-akkużi, it-tfajla ammettiet bil-Maġistrat Doreen Clark kellha kliem iebes fil-konfront tal-akkużata.
Hija sostniet li dan kien reat mill-aktar serju u seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi.
Madankollu l-Maġistrat ikkunsidrat l-età tat-tfajla u tenniet li dak li ġara kien fil-fatt bluha taż-żgħożija.
Kien għalhekk li l-Qorti poġġiet lit-tfajla fuq ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn.