Naomi Tanti ta’ 24 sena tressqet il-qorti wara li nhar is-6 ta’ Diċembru fil-karozza tagħha nstabet d-droga kannabis, ammont ta’ armi projbiti u li rreżistiet l-arrest. L-ispettur Anthony Scerri rrakkonta kif l-akkużata twaqqfet mill-Pulizija tal-RIU waqt li kienet mwaħħla fit-traffic f’karozza Toyota Aygo. Dan hekk kif deher li fiha kien hemm nies li qed jagħmlu użu mid-droga. Hekk kif rat il-Pulizija hija sakkret il-bibien u qabdet issuq bil-konsegwenza li kienet se ttajjar Pulizija.
Hija kompliet issuq kontra s-sinjali tat-traffiku sakemm infaqgħala tyre lejn il-Għargħur. Il-Qorti semgħet kif l-akkużata diġà kellha każi pendenti. Id-difiża mmexxija mill-avukati Dr. Arthur Azzopardi, Dr. Alfred Abela u Dr. Rene Darmanin saħqu kif l-akkużata dejjem dehret fil-Qorti u qatt ma ppruvat taħrab mill-pajjiż.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużata taħdem bħala PR ta’ kumpanija tal-iGaming. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia tat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 u depożitu ta’ €5,000 oħra.