Tfajla ta’ tnejn u għoxrin sena mis-Siġġiewi tilfet ħajjitha llum waranofsinhar wara li allegatament waqa’ xi blat mill-irdum għal fuqha waqt li kienet il-baħar fiż-żona maqtugħa magħrufa bħala l-Munxar, fil-limiti ta’ Wied il-Għajn. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar.
Wara li ddaħħlet fil-Bajja ta’ San Tumas, permezz ta’ dinghy tal-Protezzjoni Ċivili, iż-żagħżugħa bdiet tingħata l-kura minn tim mediku, immexxi minn Dr Jonathan Joslin, fejn ukoll beda jiġi amministrat kontinwament is-CPR.
ONE News kien preżenti fuq il-post fejn jassistu, fl-operazzjoni ta’ salvataġġ, kien hemm ukoll il-Pulizija.
Hi ttieħdet ftit wara bl-ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei, fejn sfortunatament tilfet ħajjitha ftit wara.