Ingliża ta’ 18-il sena li toqgħod ir-Rabat, se titressaq il-Qorti b’rabta ma’ diversi serqiet, li seħħew bejn Novembru tas-sena l-oħra u Marzu ta’ din is-sena. Il-Pulizija waslet għat-tfajla wara li ġew analizzati filmati li kienu elevati minn kameras tas-sigurtà ta’ kumpless ta’ stabbilimenti li jinsab f’Tas-Sliema.
Il-Pulizija qalet li f’dawn il-filmati, it-tfajla dehret tisraq ħwejjeġ minn tlett iħwienet differenti li jinsabu f’dan il-kumpless.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta ukoll li l-istess tfajla allegatament dawret favur tagħha aktar minn €10,000 fi tranżazzjonijiet għad-dannu tal-kumpanija li kienet taħdem magħha.
Hija se titressaq il-Qorti għall-ħabta tal-11:00 ta’ dalgħodu, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech.