Tfajla ta’ tmintax il-sena qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kienet involuta f’argument f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tas-2:15 tal-Ħadd fi stabbilitment li jinsab fi Triq Santu Wistin.
Il-pulizija marru fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet tagħhom irriżulta li seħħ argument bejn tfajla ta’ 18-il sena li tgħix is-Siġġiewi u tfajla oħra tal-istess età minn Pembroke.
Waqt dan l-argument allegatament intużat tazza.
It-tfajla li mis-Siġġiewi marret f’ċentru tas-saħħa għall-kura, fejn hija ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.