Martha Agius hija tfajla mill-Birgu li ftit xhur ilu lestiet l-istudji tagħha mill-Iskola Sekondarja tal-Verdala, iżda minkejja l-età żgħira ta’ sittax-il sena, din għadha kemm ippublikat ktieb tal-poeżiji.
Martha bdiet bl-avventura letterarja tagħha minn meta kellha erbatax-il sena.
Hija bdiet tikteb il-poeżiji bl-Ingliż u bl-għajnuna tal-għalliema tagħha rnexxielha tiżviluppa dan it-talent.
Martha spjegat: “Ħafna u ħafna. Għenuni biex nagħżel l-aħjar poeżiji, nirranġahom, anke bdiet tgħini għalliema tal-Ingliż inkomplu ntejbuhom.”
Is-Surmast tal-iskola fejn kienet tattendi Martha Agius spjega ma’ ONE News kif wara li l-iskola saret taf b’dan it-talent ta’ waħda mill-istudenti tagħha, mill-ewwel fittex sabiex jikkollabora mal-Kunsill Lokali tal-Birgu fejn tgħix din it-tfajla.
Huwa stqarr: “Fil-fatt kienet avviċinatna l-għalliema ta’ Martha fejn qaltilna li l-istudenta bdiet tipproduċi poeżiji ta’ kwalità u ġietna l-idea anke fil-kunsill tal-iskola biex ngħinu lil din l-istudenta sabiex tippubblika x-xogħlijiet tagħha. Inħossuha li hija ta’ mportanza li nippromwovu t-talent li jkollna fl-iskola.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Birgu, John Boxall saħaq kif Martha Agius hija parti minn kullana ta’ kittieba mill-Birgu.
Huwa sostna: “Hawn huma ż-żgħażagħ tal-lokalità. Hawn huma ż-żgħażagħ li sa ftit ta’ żmien ilu konna qed inwarrbu u jalla l-Kunsill Lokali tal-Birgu flimkien miegħi nawguraw li jkollna aktar żgħażagħ bħal din it-tfajla li jippromwovu l-ħiliet tagħhom għax se jsibu lill-Kunsill Lokali warajhom biex jippublikaw dak li jkollhom f’moħħhom.”
Martha temmet tgħid kif dan il-ktieb huwa biss il-bidu tal-istorja tagħha, u appellat sabiex żgħażagħ oħra ma jibżgħux jaħdmu għall-passjonijiet tagħhom.
Hija saħqet: “Qatt ma kont nemmen li ta’ età żgħira nista’ jirnexxieli nippubblika ktieb jiġifieri naħseb qatt m’għandhom jaqtgħu qalbhom minn xi ħaġa kbira hekk.”