Tfajla ta’ 15-il sena għamlet xenata fil-Qorti meta bdiet tgħajjat u ssabbat minkejja li uffiċjali tal-Pulizija, social worker, u ommha stess ppruvaw jirraġunaw magħha. Il-Qorti rrifjutat li din tinħeles mill-arrest, anke għax din mhux l-ewwel darba li t-tfajla xellfet diffrejha mal-ġustizzja u nżammet fil-kustodja tal-pulizija wara li nstabet fi stat ħażin wara li kienet irrappurtata nieqsa għal xi jiem.
Issa t-tfajla qed tkun mixlija li rreżistiet lill-Pulizija u li saħansitra gidmithom is-Sibt li għadda. L-akkużata rrifjutat għajnuna legali, iżda uffiċjal tal-probation li segwiha kemm-il darba saħaq mall-Maġistrat Charmaine Galea li dejjem ikkoperat sakemm kienet fil-kustodja tal-Pulizija.
Xhieda fil-Qorti qalu li t-tfajla kienet qed tagħmilha ma kumpanija ħażina ma’ persuni ikbar minnha li ċċappsu bid-droga u atti kriminali oħra.
Il-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li t-tfajla “mhux ta’ min jafdaha”.