Tilfet ħajjitha it-tifla ta’ tnax–il sena minn Bormla li kienet involuta f’inċident tat-traffiku tard ilbieraħ filgħaxija.
Fl-istess inċident sofrew minn ġrieħi wkoll erba’ persuni oħra.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħaxija fi Tirq it-Tlett’Ibliet f’Bormla, kawża t’impatt bejn żewġ vetturi : Toyota misjuqa minn raġel ta’ sitta u erbgħin sena u Isuzu misjuqa minn żagħżugħ t’għoxrin sena; it-tnejn residenti l-Isla.
Fl-Isuzu flimkien maż-żagħżugħ t’għoxrin sena kien hemm tliet passiġġiera : it-tfajla vittma ta’ tnax –il sena, tfajla oħra ta’ sbatax –il sena wkoll minn Bormla, u żagħżugħ ta’ sbatax –il sena mill-Isla.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili taw l-assistenza tagħhom biex il-persuni nvoluti nħarġu mill-vettura.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanzi li ħadu lill-vittmi l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ix-xufier t’għoxrin sena u t-tfajla ta’ tnax –il sena ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi gravi filwaqt li l-persuni l-oħra sofrew ġrieħi ħfief.
It-tifla qattgħet il-lejl fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, iżda dalgħodu tilfet il-battalja mal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir Inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.