Tfajla ta’ tnax-il sena mill-Belt sofriet ġrieħi gravi wara li ntlaqtet f’għajnejha minn oġġett iebes.
L-inċident seħħ fid-20.45p.m tas-Sibt filgħaxija fi Pjazza Ħelsien fil-Belt Valletta.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-pulizija, irriżulta li t-tfajla intlaqtet mill-oġġett wara li tar f’għajnejha. Fil-ħin tal-inċident, hija kienet fil-kumpanija ta’ xi żgħażagħ oħra li huma ħbieb tagħha.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn iktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni fuq il-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti.