• NITKELLMU MA’ VITTMA TA’ ABBUŻ SESSWALI
• MUĠUGĦA, IŻDA DETERMINATA LI TAGĦMEL DIFFERENZA
Din il-ġimgħa ħafna segwew u kkummentaw dwar il-ġrajja vera ta’ Kayleigh Haywood. Storja ta’ stupru li l-pulizija ta’ Leicestershire, bl-għajnuna tal-ġenituri ta’ Haywood, għamlu fi produzzjoni qasira bil-għan li jqajmu kuxjenza. Il-ġenituri ta’ Kayleigh, li kellha 15-il sena, qablu li dak li ġara lil binthom ikun irreċtat sabiex iservi ta’ twissija lil tfal u ġenituri. Dawn huma stejjer diffiċli, iżda reali li nsibuhom ukoll fis-soċjetà Maltija. DINAH SEGUNA ltaqgħet ma’ MARIA, tfajla żagħżugħa li ta’ età iżgħar kienet il-vittma ta’ abbuż mill-innoċenza tagħha.
Kollox beda meta kien għad kellha biss tmien snin. Maria, l-isem fittizju tat-tfalja li fetħet qalbha mal-gazzetta Kullħadd, għaddiet minn esperjenza t’abbuż li ħalliet impatt qawwi fuq ħajjitha.
B’ċertu diqa Maria spjegat kif dik l-innoċenza tat-tfulija ntilfet bħal leħħa ta’ berqa.
“Meta kelli tmien snin kont inżilt fl-appartament ta’ din il-persuna biex nara l-ġeru l-ġdid li ġabu u xtaqt immur nilgħab miegħu. Spiċċajna bilqiegħda ħdejn xulxin u beda jmissni b’mod mhux xieraq fil-parti privata tiegħi. F’dak il-mument indunajt li kienet xi ħaġa ħażina imma ta’ dik l-età, ta’ tmien snin, mhix faċli tirrealizza dak li kien qed jiġri. Imma b’xi mod qisek tkun taf li hi xi ħaġa ħażina. Kien qalli biex ma ngħid lil ħadd. Jiġifieri ma kienx xi inċident.”
“Daħħal idejh fuq il-parti tiegħi minn fuq il-ħwejjeġ. Kieku kien inċident ma kienx ħa jgħidli dak li qalli. Kont noħroġ magħhom meta kont żgħira u dejjem konna mmorru l-baħar flimkien. Kien jaqbadni dejjem mill-parti tiegħi bl-iskuża li se jwaddabni fil-baħar. Din damet sejra għal sentejn sħaħ, minn meta kelli tmien snin sa għaxar snin. Wara dawk is-sentejn imbagħad kien baqa’ jipprova jkellimni u jien kont inkellmu għax ħadd ma kien jaf. Kont inħoss li ma kienx hemm raġuni għalfejn m’għandix inkellmu imma dejjem kelli dak il-ħsieb li kien hemm rabja għalih.”
Maria stqarret li ta’ tifla li kienet, kienet taf li dak li kien qed jiġri kienet xi ħaġa mhux f’lokha, il-problema hi li ma kinitx taf kif tispjegaha lilha nnifsha.
“Tkun taf li hi ħażina imma ma jkollokx ċertu tagħrif, ma tkunx taf kif ħa tispjegaha. Meta għalaqt erbatax-il sena qisni rabbejt il-kuraġġ li nitkellem dwarha. Domt erba’ snin biex fl-aħħar ikolli l-kuraġġ u naqsam ma’ xi ħadd dak li għaddejt minnu.”
“Kont tkellimt ma’ guidance teacher l-iskola. Kont għaddejja minn żmien ħażin. Bid-dwejjaq ta’ dak iż-żmien, dak li għaddejt minnu meta kont żgħira donnu reġa’ tfaċċa quddiem għajnejja. Kien qed ikolli flashbacks, għaddejt minn post traumatic stress disorder. Spiċċajt niddejjaq meta jiġi jgħannaqni missieri stess. Issa missieri kien sar jaf u vera kellu rabja lejn din il-persuna. Bl-għajnuna tal-guidance teacher imbagħad kelli l-kuraġġ li ngħid b’kollox lill-ġenituri tiegħi. Ħaduha ħażin ħafna. L-ewwel reazzjoni bdew jibku. Jien l-unika wild li għandhom allura bla ma riedu ħaduha bi kbira, naħseb anke jekk ma tkunx l-unika wild xorta waħda kull ġenitur jeħodha hekk. Wara li bkew bdiet toħroġ ir-rabja speċjalment ta’ missieri. Niftakar missieri kien qalli li kieku jista’ joqtlu; imma ovvjament ma tistax tagħmel ċerti affarijiet.”
“Lanqas tabib ma kont inħalli jinvistani”
L-effett ta’ dak li għaddiet minnu beda kulma jmur jidher u jimpatta n-nies ta’ madwarha. Maria spjegat kif lanqas biss kienet tħalli tabib jinvistaha. Bdiet tħoss li t-tobba m’għandhomx esperjenza biżżejjed meta affaċċjati b’dawn it-tipi ta’ każi. “Mhumiex sensittivi. Tħosshom qegħdin hemm biex huma jagħmlu xogħolhom bħala professjonisti fil-qasam tas-saħħa imma fejn għandu x’jaqsam l-aspett psikoloġiku hemm nuqqas. Kienu jgħiduli li la kelli relazzjoni sesswali m’għandux ikolli problema biex jinvistawni. Imma hija xi ħaġa kompletament differenti” stqarret Maria.
Maria qalet li ma kinitx xi ħaġa faċli. “Naħseb hija xi ħaġa li ssir minn persuna b’saħħitha u li tkun ġarrbet ħafna. Kelli l-appoġġ ta’ sħabi tas-sekondarja. Kienu jafu u kont ftaħt qalbi magħhom l-ewwel qabel ma tkellimt mal-guidance teacher. Hija xi ħaġa li biex tindirizzaha trid titkellem ma’ xi ħadd professjonali. Ma bżajtx li forsi ħa naqla’ xi kundanna, li kien tort tiegħi għal dak li ġara, anzi minn dejjem kont naf li ma kienx tort tiegħi,” qalet Maria.
Maria tesprimi sentiment li ħafna li jkunu għaddew minn din l-esperjenza jiltaqgħu magħha. Dak is-sens ta’ ħtija.
“Li inkwetajt ftit li forsi bdejt naħseb li stajt kont qed nesaġera l-ħaġa. Bdejt ngħid hemm min għadda minn tant affarijiet gravi iktar minni u jien kont qed nirreaġixxi b’dak il-mod? Imma mbagħad qisni għamilt kuraġġ,” stqarret Maria.
Sabet il-bibien magħluqa
Biex is-sitwazzjoni tkun kemxejn iktar diffiċli, it-tfajla għadha sal-lum tara lil dak li ħassrilha tfulitha.
“Illum il-ġurnata lilu għadni narah għax għadu jgħix viċin tagħna. Kull darba li narah inħossni li għaddewni biż-żmien. Inħoss li l-liġi m’għamlitx ġustizzja miegħi. Meta kelli sbatax-il sena kont mort l-għassa tal-pulizija. Niftakar konna sibna kuntistabbli u għednielu l-istorja kollha. Kien qalli li rrid nagħmel rapport imma ried iċempel lill-persuna inkarigata li tagħmel ir-rapport. Ftit wara imbagħad qalli li dan se jieħu ħafna żmien, mhux bilfors li se jemmnuni, hemm ħafna spejjeż t’avukati, beda jaqtagħli qalbi. Spiċċajt lanqas ħadt passi,” tenniet Maria.
Fissret kif b’hekk wasal mument ieħor li għaliha kien diffiċli ħafna: “Tkun diġà għaddejt minn dik it-trawma kollha, tkun wasalt biex tieħu dak il-pass kuraġġuż u tispiċċa ssib il-bibien magħluqa minn persuni li suppost jgħinuk. F’dak il-punt ħassejtni dgħajfa.”
“Ma kellix l-appoġġ dak iż-żmien, fis-sens min-nies li forsi kellhom esperjenza simili. Ma stajtx ningħaqad fi grupp ta’ nies oħra bħali li forsi flimkien stajna negħlbu l-ostakli. Għaddejt minn ħafna affarijiet, kelli mard fil-familja, allura kelli niġġieled sew. Dak iż-żmien għaddejt minn dipressjoni, pruvajt inneħħi ħajti b’idi darbtejn tant li spiċċajt l-isptar. Ta’ sittax-il sena kont nieħu tliet tipi ta’ mediċini kontra d-dipressjoni b’ordni tat-tabib,” tirrakkonta b’imrar li għadu jinħass, għalkemm illum hija wkoll tfajla determinata iktar minn qatt qabel.
Iddeċidiet li tersaq ’il quddiem
“Sibt l-għajnuna tal-Ispettur Sandro Camilleri. Inzertajtu jitkellem fuq każ simili u kkuntattjajtu. Minn hemm sibtu t’għajnuna kbira. Fehemni l-aspetti legali f’dan il-qasam u tani idea ċara ta’ x’inhuma d-drittijiet tiegħi.”
Fil-fatt mal-gazzetta Kullħadd l-Ispettur Sandro Camilleri stqarr li huma ħafna dawk li qed jersqu ’l quddiem b’każi simili għal dak li għaddiet minnu Maria, t-tfajla li tkellmet mal-gazzetta Kullħadd. Camilleri qal li fil-festi tal-Milied u tal-ewwel tas-sena kien hemm numru ta’ persuni li resqu ’l quddiem bil-każ tagħhom. “Każijiet li ma rridux inħalluhom jibqgħu għaddejjin. Dan uġigħ tas-soċjetà” sostna Sandro Camilleri.
Illum Maria għandha iktar minn għoxrin sena. Qed tistudja biex eventwalment tidħol l-Università ta’ Malta.
“Wara li pruvajt inneħħi ħajti darbtejn, ma nafx x’ġara qisni qomt minn raqda twila u rrealizzajt li ma jistax ikun nibqa’ sejra hekk. Diġà kien hemm min prova jkissirni u ddeċidejt li nieħu t-terapija meħtieġa.” Maria tixtieq issegwi l-istudji tagħha fil-psikoloġija. Temmen li b’hekk tista’ tkun t’għajnuna għal ħaddieħor.