Tfajla ta’ 25 sena li tgħix Ħaż-Żebbuġ iddaħħlet l-Isptar Mater Dei wara li nqalbet bil-karozza wara ħabta ma’ trakk, f’Ħaż-Żebbuġ.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9:15 fi Triq is-Siġġiewi, f’Ħaż-Żebbuġ.
It-trakk kien qed jinstaq minn raġel ta’ 40 sena mis-Siġġiewi.
It-tfajla kienet qed issuq karozza tat-tip Toyota.
Fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-karozza laqtet ċint u nqalbet fuq ġenb.
Mar ukoll tim mediku, li ħa t-tfajla l-Isptar Mater b’ambulanza.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.