Tfajla ta’ 17-il sena qed issofri minn ġrieħi gravi wara ħabta bejn żewġ karozzi aktar kmieni llum f’Burmarrad.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-18:30 fi Triq Burmarrad, Burmarrad, meta Hyundai l30 misjuqa minn raġel ta’ 32 sena residenti Birkirkara ħabtet ma’ Toyota Avensis, misjuqa minn mara ta’ 30 sena. F’din tal-aħħar kien hemm żewġ tfajliet ta’ 17-il sena passiġġieri.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fuq il-post biex jassistu. Il-mara ta’ 30 sena u ż-żewġ tfajliet ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard kien ikkonfermat li waħda mit-tfajliet ta’ 17-il sena qed issofri minn ġrieħi gravi, u t-tfajla l-oħra qed issofri minn ġrieħi ħfief. Il-kundizzjoni tal-mara ta’ 30 sena għadha mhux magħrufa.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.