Tash Sultana, artista Awstraljana ta’ 22 sena b’dixxendenza Maltija se tkun qed taqsam it-talent tagħha tal-mużika f’wieħed mill-akbar festivals fid-dinja, Coachella, f’Kalifornja fl-Istati Uniti.
L-artista kellha sena interessanti hekk kif kisbet fama kbira, fejn saħansitra ngħatat it-titlu ta’ ‘Artista tas-Sena’ fl-Awstralja, bil-kanzunetta tagħha Jungle.
Kien it-Tlieta li għadda li tħabbret il-lista ta’ artisti li se jkunu qed itellgħu spettaklu waqt dan il-festival, b’Tash tkun waħda minnhom. Fost l-artisti li se jkunu qed jitilgħu fuq il-palk se jkun hemm The Weeknd, Beyonce, Eminem, Cardi B u ħafna u ħafna aktar.
Żgur mhux forsi li din hi waħda mill-ħolm ta’ bosta artisti hekk kif dan il-festival għandu fama mondjali b’madwar 125,000 persuna jattendu tul is-sitt ijiem ta’ dan il-festival. Infatti, għal bosta żgħażagħ li jsegwu ċelebritajiet fuq il-midja soċjali, huma bosta li jattendu fosthom Kylie Jenner, Selena Gomez, Paris Hilton, Adam Levine u ħafna aktar.